Lokali

L-MEP Daniel Attard irid lil Jason Micallef jidħol lura bħala Deputy Leader għall-Affarijiet tal-Partit

“Jason Micallef bħala Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit. Dan għaliex huwa idoneju, jekk mhux l-aqwa għal dak li jeħtieġ il-Partit Laburista fir-rwol ta’ Deputat Mexxej.”

Hekk iddikjara fuq il-midja soċjali l-MEP Laburista Daniel Attard, li huwa wkoll l-avukat tal-istess Jason Micallef u ħabib kbir tal-Eks Segretarju Ġenerali Laburista – tant li t-tnejn li huma jiffurmaw parti mill-klikka ta’ Joseph Muscat.

Fuq Facebook, Attard kiteb li fl-aħħar jiem kienu ħafna dawk li qalulu li jridu jaraw lil Jason Micallef bħala Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit. U hu stqarr li jirrelata magħhom totalment.

Il-ġurnal In-Nazzjon qed jirrapporta kif din l-aħħar manuvra mill-klikka ta’ Muscat turi li sa Settembru, il-grupp tal-Eks Prim Ministru se jkunu ħadu kontroll tal-partit. “Se jieħdu over”, hija l-għajta fil-kurituri taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.

L-istess sorsi qalulna li l-vot ta’ Daniel Attard u Alex Agius Saliba kontra Roberta Metsola kien l-ewwel pass biex ‘ta’ Muscat’ juru lill-Prim Ministru li huma jagħmlu li jridu. U għalhekk, baqgħu sakemm waqqgħu kelmtu, u dgħajfuh anke fuq livell internazzjonali.

L-istess ġara fil-laqgħa tal-Kabinett ta’ din il-ġimgħa fejn Robert Abela ma sabx l-appoġġ tal-Ministri. Biex spiċċa kellu jaqa’ għall-famuż “kompromess” li bih gawda biss il-Professur Edward Scicluna; meqjus viċin ħafna ta’ Joseph Muscat.