Lokali

“Robert Abela vittma ta’ kliemu stess”

Il-Prim Ministru Robert Abela deher mill-ġdid dgħajjef hekk kif ma rnexxilux jikkonvinċi lill-Ministri tiegħu biex jisfurzaw lil Edward Scicluna jirreżenja mill-kariga ta’ Gvernatur tal-Bank Ċentrali.

Hekk iddikjara l-Editur tal-MaltaToday hekk kif sostna li minkejja li Abela quddiem Kastilja qal li kellu appoġġ  unanimu mill-Kabinett, dan ma kiex minnu – kliem li mhux jgħidu l-Partit Nazzjonalista, iżda l-media independenti.

Persuni qrib il-Gvern qed jinsistu li Abela spiċċa vitma ta’ kliemu stess wara li hu, ftit jiem ilu, kien qal li l-Kabinett kien se jisforza lil Scicluna biex jitlaq minn Gvernatur tal-Bank Ċentrali jekk dan ma jirreżenjax.

B’sorsi oħra li tkelmu mal-MaltaToday jgħidu li kien hemm numru ta’ Ministri li iddubitaw kemm dak li xtaq Robert Abela kien legali, waqt li numru ta’ Ministri oħra staqsew kemm it-tneħija ta’ Scicluna se tinżel tajjeb mal-partitarji u l-attivisti tal-partit – li diġa; jinsabu irrabjati bir-riżultat elettorali.

Waqt il-laqgħa tal-Kabinett, li damet iktar minn ħames sigħat, kien hemm numru ta’ Ministri li baqgħu f’Kastilja fl-istess ħin li Edward Scicluna nnifsu kien fuq ġewwa – kif jixhdu dawn il-filmati.

Bis-sorsi qirb il-Labour jgħidu li dawk il-Ministri li baqgħu Kastilja kienu qed jippruvaw jikkonvinċu lil Scicluna biex jissospendi lilu nnifsu; iżda ma rnexxielhomx.

Sors ieħor viċin il-Labour semma’ kif il- U-turns saru sinonomi mat-tmexxija ta’ Abela – fosthom l-abort, il-pożizzjoni dwar l-Inkjesta Pubblika ta’ Jean Paul Sofia kif ukoll dwar il-kwistjoni ta’ Rosianne Cutajar li spiċċat imkeċċija mill-Partit Laburista.