Tlieta fost l-akkużati b’sehem fl-ippjanar tal-attakki terroristiċi tal-2001 fl-Istati Uniti waslu fi ftehim għal sentenza anqas ħarxa, jiem biss qabel suppost jibdielhom il-proċess ġudizzjarju.
Id-Dipartiment tad-Difiża Amerikan issa kkonferma li kien hemm forma ta’ negozjati – parti minn proċess ta’ ‘plea-bargaining’ – mal-imputati Khalid Sheikh Mohammed, Walid Muhammad Salih Mubarak Bin Attash, u Mustafa Ahmed Adam al-Hawsawi – tliet terroristi li ilhom is-snin miżmuma fil-bażi tal-qawwiet tal-baħar Amerikani fil-Bajja ta’ Gwantanamo, f’Kuba, mingħajr ma qatt tressqu l-qorti.
Filwaqt li ma ngħatawx dettalji tal-ftehim, mifhum li t-tliet imputati se jammettu l-ħtija għat-terroriżmu storiku tal-2001 biex il-Prosekuzzjoni ma tinsistix li jingħataw il-piena tal-mewt.
L-attakki terroristiċi tal-11 ta’ Settembru tal-2001 kienu biddlu darba għal dejjem l-ippjanar u l-istrateġiji tal-aġenziji Amerikani nkarigati mis-sigurtà interna u domestika.
Fl-attakki ta’ dakinar, gruppi ta’ terroristi tal-Al-Qaeda kienu ħatfu l-kontroll tal-ajruplani tal-passiġġieri u użawhom bħala missili kontra t-Twin Towers tal-World Trade Centre, fi New York (li krollaw b’konsegwenza) kif ukoll kontra l-Pentagon fl-inħawi ta’ Virginia. Ajruplan ieħor li kien inħataf mit-terroristi kien iġġarraf qalb l-għelieqi f’Pennsylvania wara li l-passiġġieri rreżistew lill-aggressuri tagħhom.
Sadanittant, ħafna mill-qraba tal-vittmi ta’ ‘9/11’ huma ddispjaċuti dwar in-negozjati li saru ‘mal-qattiela tal-għeżież tagħhom’. Il-kelliema għall-familji qalu li n-negozjati mal-imputati ma sarux b’mod trasparenti u meta qed jinsistu biex l-awtoritajiet Amerikani jinvestigaw aktar dwar l-allegat rwol tal-Arabja Sawdija fl-attakki tal-2001.
Kelliema oħrajn għal grupp li qed imexxi kampanja għall-ġustizzja relatata mat-terrur tal-2001, qalu wkoll li t-tliet imputati tal-Al-Qaida, issa, jistgħu jiċċelebraw il-fatt li mhumiex se jħallsu b’ħajjithom għall-atroċità li biddlet il-ħajja mhux biss għall-familji mġarrbin iżda għal miljuni oħra ta’ Amerikani.
Sadanittant, is-sorsi qrib New York Times qalu li t-talba għal ‘sentenzi mnaqqsin’ għat-tliet imputati li ppjanaw it-terrur ta’ ‘9/11’ kapaċi titressaq lill-qorti militari proprju l-ġimgħa d-dieħla.
Khalid Sheikh Mohammed u ż-żewġ imputati l-oħra qed ikunu akkużati dwar litanija ta’ reati – fosthom l-attakki qattiela ta’ ċivili, omiċidju tal-massa b’abbuż għar-regoli tal-gwerra, il-ħtif ta’ ajruplani u strateġiji oħrajn għall-agħar tip ta’ terroriżmu.
Intant, Khalid – inġinier li tgħallem il-professjoni tiegħu fl-Istati Uniti – hu kunsidrat bħala l-veru moħħ wara l-attakki ta’ ‘9/11’. Il-Prosekuturi qed jgħidu li hu (Khalid) kien ippreżenta ‘l-idea’ għall-ħtif tal-ajruplani domestiċi għall-attakki suwiċida kontra l-bini prinċipali fl-Istati Uniti waqt laqgħa li kellu ma’ Osama bin Laden, il-Mexxej ewlieni tal-Al-Qaeda. Dan, waqt li Khalid kien għen ukoll fir-reklutaġġ u t-taħriġ ta’ wħud mit-terroristi involuti fl-attakki tal-2001.
//= $special ?>