Lokali

Tifel ta’ 10 snin fil-periklu tal-mewt wara li nqabad bejn żewġ inġenji

Illum, għall-ħabta tan-nofsiegħa ta’ wara nofsinhar, il-Pulizija ġiet infurmata li kien hemm bżonn l-assistenza tagħha f’għalqa fl-inħawi tal-Għasri, Għawdex. Il-Pulizija marret immedjatament fuq il-post u mill-investigazzjonijiet preliminari li saru rriżulta li tifel ta’ 10 snin inqabad bejn żewġ inġenji.

Tim mediku kif ukoll membri mid-Dipartiment tal-Protezzjoni Ċivili assistew lit-tifel fuq il-post u ambulanza ħaditu l-Isptar Ġenerali t’Għawdex, fejn ġie ċċertifikat fil-periklu tal-mewt. Aktar tard, it-tifel ittieħed l-Isptar Mater Dei permezz ta’ ħelikopter għal aktar assistenza medika.

Il-Maġistrat Brigitte Sultana ġiet infurmata bil-każ u ħatret inkjesta. L-investigazzjonijiet tal-Pulizija u tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà Fuq il-Post tax-Xogħol għadhom għaddejjin.