Triq il-Kavallerija, il-Marsa reġgħet infetħet għat-traffiku wara li dalgħodu ingħalqet temporanjament. It-triq ingħalqet għal ftit sigħat wara li fis-sigħat bikrin ta’ dalgħodu trailer inqaleb fuq ħajt fl-istess triq.
Kelliem għall-Pulizija kkonferma li l-inċident seħħ għall-ħabta tal-4.45am. Żied jgħid li ħadd ma weġġa’ fl-ħabta.
Aktar qabel, f’post fuq il-midja soċjali, Transport Malta spjegat li mit-trakk kien waqa’ xi debris.
Transport Malta tat parir lis-sewwieqa biex għalissa jużaw rotot oħra.
Il-Pulizija kkonfermat li ħadd ma weġġa’ f’dan l-inċident.
It-traffiku diġà kien wieħed persistenti nhar il-Ħamis filgħodu, hekk kif komplew ix-xogħlijiet fit-triq Tal-Barrani. Għalkemm dan l-inċident kompla żied mal-frustrazzjoni li qed ikollhom is-sewwieqa ta’ kuljum, partikolarment fl-inħawi ta’ Ħal Luqa u Ħal Qormi. Dan wassal biex diversi persuni kritikaw il-mod kif qed jiġi kkordinat it-traffiku, u kif qed jingħalqu t-toroq f’kull ħin tal-ġurnata biex isiru ċertu xogħlijiet – bil-kritika tkun li l-ippjanar mhux qed isir b’mod għaqli.