F’stqarrija minn Darren Carabott Shadow Minister għall-Intern, is-Sigurtà u r-Riformi u Ivan Castillo Shadow Minister għas-Settur Marittimu, id-Djalogu Soċjali u l-Ġlieda Kontra l-Għoli tal-Ħajja saħqu kif Robert Abela ammetta bi kliem ċar li l-Gvern falla u m’għandux politika dwar l-immigrazzjoni u x-xogħol f’pajjiżna.
B’irresponsabbiltà kbira, din il-ġimgħa ammetta għall-mistoqsijiet tal-ġurnalisti li għandna swieq tax-xogħol “saturated”, jew fi kliem aħjar mgħarrqa jew iffullati. Dan meta kien il-Gvern Laburista stess li:
1. Ħareġ l-eluf ta’ permessi tax-xogħol b’politika irresponsabbli u mingħajr pjan;
2. Ħalla eluf ta’ familji jidħlu u jippruvaw jibdew ħajja fil-pajjiż; u
3. Ħalla lil min iħaddem jadatta għall-politika tal-Gvern li biex tikber, trid in-numri tan-nies.
U issa ddikjara li daħlu nies “żejda” fin-numri ta’ bżonn fis-swieq tax-xogħol tagħna. Dan meta ftit jiem ilu ħarġet statistika li uriet kif ir-rata tal-qgħad telgħet bi 3.1%, minn 7,820 għal 9,865 fl-2023. Din il-politika b’nuqqas ta’ ppjanar serju, u li wasslet għal swieq tax-xogħol “saturated” kif qal Robert Abela, tfisser li tħallew jidħlu persuni b’permess tax-xogħol fil-pajjiż a skapitu tal-ħaddiema preżenti f’Malta li se jkunu ta’ kompetizzjoni għalihom, b’pagi ħafna aktar baxxi.
Il-Partit Nazzjonalista jinnota li kien il-Gvern Laburista, taħt in-nuqqas ta’ pjan ta’ Robert Abela u Cyde Caruana fl-aħħar 11-il sena, li daħħal kultura ta’ sfruttar tal-ħaddiem barrani f’pajjiżna.
Dan li qed jiġri hu xhieda ta’ kemm il-Gvern m’għandux direzzjoni, m’għandux viżjoni u wisq anqas politika ċara ta’ xi jrid għal pajjiżna, b’mod speċjali f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħruġ ta’ permessi għax-xogħol għal ċittadini li mhumiex mill-Unjoni Ewropea.
F’ġimgħa biss, ħarġu fil-beraħ il-problemi serji li għaddejjin minnhom l-aġenziji Identità u Jobsplus – problemi li ġejjin minn nuqqas serja ta’ tmexxija u governanza tajba. Fl-ewwel lok, il-Qorti ordnat investigazzjoni kriminali fl-aġenzija Identità minħabba ħruġ ta’ ċertifikat taż-żwieġ falz bl-iskop li joħroġ permess għal xogħol f’Malta. Fit-tieni lok, fl-istess jiem, rajna azzjoni fuq reati ta’ traffikar ta’ persuni f’Malta bħala ħaddiema – liema reat sar u qed isiru minħabba l-politika ta’ “kollox jgħaddi” tal-Gvern Laburista.
Filwaqt li jikkundana kull u kwalunke sfruttament ta’ persuni li jinġiebu f’Malta għal skopijiet ta’ profitt mill-bniedem, kif ukoll jibqa’ kommess fil-ġlieda kontra t-traffikar tal-persuni, il-Partit Nazzjonalista jikkundanna wkoll il-politika ta’ dawn l-aħħar 11-il sena ta’ Gvern Laburista li ffaċilita dan kollu għax tilef il-kontroll tas-sistema.
Dan in-nuqqas ta’ konsistenza fil-politika tal-Gvern, li jwassal messaġġi differenti, qed iħalli effetti negattivi fuq il-ħaddiema u fuq min iħaddem.
//= $special ?>