Żewġ żgħażagħ Franċiżi li serqu €500 minn kartiera li tħalliet waħedha fuq pultruna barra ħanut tal-massaġġi f’San Ġiljan, nhar l-Erbgħa tal-ġimgħa l-oħra ngħataw sentenza sospiża. L-inċident kien irrappurtat il-Ħadd waranofsinhar. L-investigaturi identifikaw lis-suspettati bl-għajnuna ta’ filmati tas-CCTV, u t-tnejn ġew arrestati nhar it-Tlieta.
Thomieres Jean Marc Cedric u Ramel Clement Matthieu, it-tnejn ta’ 19-il sena li qalu lill-Qorti li kienu ġardinar u student rispettivament, ġew skortati l-Qorti l-Erbgħa waranofsinhar. Megħjuna minn avukat tal-għajnuna legali, il-koppja ammettew għall-akkuża solitarja ta’ serq aggravat bl-ammont tal-flus misruqa.
Fil-Qorti ntqal li l-flus kienu diġà ntefqu mill-akkużati. Mal-ammissjoni, il-Qorti ppreseduta mill-Maġistrat Caroline Farrugia Frendo, ikkundannat lit-tnejn għal sentejn ħabs sospiżi għal erba’ snin. Il-Qorti ordnathom ukoll iħallsu lura lill-vittma li kienet salvagwardjata permezz ta’ ordni ta’ trażżin imposta fuq l-akkużati.
L-avukat tal-AĠ Clive Aquilina u l-ispettur Roderick Attard mexxew il-prosekuzzjoni. L-avukat Brandon Kirk Muscat kien l-avukat difensur.