Pajjiżna bħalissa għandu numru rekord ta’ bejtiet fl-istess ħin u l-akbar numru ta’ bejtiet ikkonfermati u protetti fi staġun wieħed.
Fit-3am ġiet ikkonfermata s-seba’ bejta tal-fekruna għal dan l-istaġun fir-Ramla tal-Mixquqa.
Wara li ntlemħet il-fekruna u lestiet il-bejta, Nature Trust Malta ċċekkjat il-microchip tal-fekruna u sabet li din kienet l-istess fekruna li bidet ir-raba’ bejta aktar kmieni din is-sena.
L-uffiċjali tal-ERA marru immedjatament fuq il-post biex jiżguraw li l-bejta tkun protetta.
Dan l-istaġun żgur huwa wieħed attiv għal din l-ispeċi protetta, u jġib aħbarijiet pożittivi għall-ħarsien tal-bijodiversità.
Il-pubbliku huwa mfakkar li jekk fekruna tinstab waqt li qed tbid, m’għandha ssir l-ebda interazzjoni mal-fekruna, peress li l-istorbju u d-dawl jistgħu jbeżżgħu lill-fekruna u b’riżultat ta’ dan tista’ tintilef il-bejta. Wieħed għandu wkoll immedjatament jirrapporta attività ta’ fkieren.
L-ERA tirringrazzja lill-pubbliku għall-appoġġ u l-kooperazzjoni tagħhom, u lil NTM li huma appoġġjati mill-ERA biex iwettqu salvataġġ u riabilitazzjoni tal-annimali madwar il-gżejjer Maltin.
//= $special ?>