Waqt konferenza tal-aħbarijiet, il-Kap Eżekuttiv tal-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta Alan Borg ippreżenta r-riżultati b’saħħithom li kisbet il-kumpanija matul l-ewwel nofs tas-sena, u wasslu lill-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta biex ikollu prestazzjoni aħjar minn ajruporti oħra fin-naħa t’isfel tal-Ewropa, fosthom l-Italja, il-Ġermanja u Spanja.
L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta laqa’ 4.1 miljun passiġġier fl-iktar l-ewwel nofs tas-sena b’saħħtu, hekk kif il-movimenti tal-passiġġeri fl-ewwel sitt xhur tal-2024 irreġistraw żieda ta’ 18.4% fuq is-sena l-oħra. Ix-xhur li rreġistraw l-ikbar tkabbir f’dan il-perjodu kienu Marzu, li qabeż il-livelli tal-2023 bi 30 fil-mija, Frar (+25 fil-mija) u Jannar (+23 fil-mija).
Dan it-tkabbir eċċezzjonali fit-traffiku tal-passiġġieri wassal ukoll biex il-kumpanija tirrapporta żieda fid-dħul kemm mis-segment tal-avjazzjoni kif ukoll mis-segment tal-proprjetà u l-bejgħ, hekk kif id-dħul fl-ewwel nofs tas-sena laħaq €66.4 miljun waqt li l-qligħ nett kien ta’ €22.1 miljun.
“Il-prestazzjoni eċċellenti tagħna f’kull aspett tal-operat fl-ewwel nofs tas-sena poġġiet il-kumpanija f’pożizzjoni finanzjarja b’saħħitha għall-bqija tal-2024. Dawn ir-riżultati ppermettew li l-kumpanija tqassam l-ikbar interim dividend s’issa lill-azzjonisti, u tkompli tinvesti fl-iżvilupp tal-Ajruport Internazzjonli ta’ Malta,” qal Borg.
L-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta llum żvela wkoll il-pjan ta’ dekarbonizzazzjoni tal-operat tiegħu, b’miri speċifiċi li se jgħinu l-kumpanija tikseb in-newtralità tal-karbonju sal-2050, u titqies bħala Net Zero Carbon Airport sal-2050.
Waqt konferenza stampa iktar kmieni dalgħodu, il-Kap tas-Sostenibbiltà utal-Analitika, Justine Baldacchino, spjegat li l-kumpanija diġà għamlet passi kbar fil-qasam tas- sostenibbiltà, billi naqqset l-emissjonijiet li tipproduċi b’31% mill-2015 ‘l hawn, u avvanzat qatigħ fil-programm tal-Airport Carbon Accreditation tal-Kunsill Internazzjonali tal-Ajruporti.
“Sabiex nilħqu ż-żewġ miri li jmiss, iġifieri li niksbu n-newtralità tal-karbonju s-sena d-dieħla u li nnaqqsu l-emissjonijiet b’65% sas-sena 2030, l-Ajruport Internazzjonali ta’ Malta se jkun qed jaddotta strateġija maqsuma f’żewġ partijiet, billi jinvesti fl-produzzjoni ta’ enerġija nadifa u fl-istess ħin ifittex opportunitajiet biex itejjeb l-effiċjenza fl-użu tal-enerġija fil-faċilitajiet tiegħu,” qalet Baldacchino.
Għal dan il-għan, il-kumpanija qed tinvesti f’għadd ta’ proġetti f’dawn l-oqsma, fosthom l-introduzzjoni ta’ sistemi fotovoltajċi ġodda madwar l-ajruport sabiex tiżdied il-produzzjoni ta’ enerġija minn sorsi rinnovabbli, it-titjib tas-sistemi eżistenti ta’ ta’ tisħin, ventilazzjoni u arja kkundizzjonata installati f’kull binja tal-ajruport, u t-tibdil tas-sistemi tad-dawl fuq il-mitjar għal alternattivi LED.
//= $special ?>