Internazzjonali

Il-Lvant Nofsani: Iżrael lest għal kull aggressjoni min-naħa tal-Iran…Il-Kap tal-Ħamas jindifen il-Qatar

It-Tmexxija ta’ Iżrael baqgħet ma kummentatx dwar il-qtil, fl-Iran, din il-ġimgħa, tal-Mexxej politiku tal-Ħamas, Ismail Haniyeh…Fl-istess ħin, l-Iżraeljani qed jagħmluha ċara li, irrispettivament mill-iżviluppi, jinsabu ‘lesti u preparati’ għal kwalunkwe  aggressjoni min-naħa tal-Iranjani u l-milizji Lebaniżi Xiti tal-Heżbollah.

U f’dawn iż-żmenijiet perikolużi għal-Lvant Nofsani, il-President tal-Istati Uniti, Joe Biden, qal li l-assassinar ta’ Haniyeh ‘żgur li ma jgħinx’ in-negozjati għal waqfien mil-ġlied potenzjali fil-Medda ta’ Gaza.

Ismail Haniyeh inqatel waqt li kien rieqed f’bini qrib iċ-ċentru ta’ Tehran u meta fl-attakk intużat missila ta’ preċiżjon li qerdet kompletament dik il-parti tal-bini.

L-Iran, il-Ħeżbollah u l-alleati radikali oħrajn, sadanittant, qed ikomplu jheddu li jpattuha bl-aħrax lil Iżrael, minkejja li dan il-pajjiż ma għamel l-ebda stqarrija ta’ responsabbiltà .

Haniyeh, fl-aħħar ġimgħat, kien involut sew fit-taħditiet għal waqfien mill-ġlied f’Gaza u fejn kien imexxi l-parti kbira tan-negozjati mill-bażi tiegħu fil-Qatar.

Issa, il-President Biden qal li hu ferm imħasseb dwar it-tensjoni madwar il-Lvant Nofsani li qed issir dejjem aktar akuta. Hu saħaq ukoll li, irrispettivament mill-aħħar żviluppi, kemm Iżrael, kif ukoll il-Ħamas, għandhom bażi minfejn jistgħu jaħdmu għall-paċi  — u dment li huma jkollhom ‘ir-rieda li jikkonkludu l-ostilitajiet’.

Iżrael u l-Ħamas, riċentement, kienu involuti f’taħditiet indiretti biex jaslu għal waqfien mill-ġlied f’Gaza – bl-Istati Uniti, il-Qatar u l-Eġittu jservu kollha bħala medjaturi.

Fl-istess ħin,  kien sinifikattiv il-kumment ta’ Biden fejn żvela li hu, fl-aħħar sigħat, tkellem bit-telefon mal-Prim Ministru Iżraeljan Benjamin Netanyahu u fejn wiegħdu li l-Istati Uniti, akkost ta’ kollox, se tipproteġi lil Iżrael mit-theddid tal-Iran…..Pajjiż fundamentalista li hu impenjat għall-qerda tal-Istat Iżraeljan.

Ismail Haniyeh jindifen fil-Qatar

Fl-aħħar sigħat, fil-Qatar, saret iċ-ċerimonja tad-difna għal Ismail Haniyeh – bit-talb funebri tal-okkażjoni jsir fil-moskea ta’  Imam Muhammed bin Abdul Wahhab li hi l-akbar moskea ta’ dan il-pajjiż. Wara ċ-ċerimonja, Haniyeh indifen fiċ-ċimiterju tal-belt ta’ Lusail, li tinsab lejn it-Tramuntana ta’ Doha.

It-tebut bil-katavru ta’ Haniyeh kien twassal lejn dan il-pajjiż mill-Iran matul il-lejl tal-Ħamis u għall-funeral attendew il-personalitajiet prominenti kollha tal-moviment tal-Ħamas. Preżenti wkoll kien hemm diversi mexxejja Għarab u Iżlamiċi u l-Kapijiet ta’ gruppi Palestinjani oħrajn.

It-Turkija u l-Pakistan it-tnejn ħabbru jum ta’ luttu għall-unur ta’ Ismail Haniyeh – bit-Tmexxija tal-Ħamas, fl-aħħar sigħat, tappella biex ‘l-Iżlamiċi kollha’ jesprimu r-rabja tagħhom waqt diversi marċijiet li kellhom isiru tard wara t-talb tradizzjonali tal-Ġimgħa fil-moskej.