Wara li fl-aħħar xhur saru diversi appelli kemm mill-Partit Nazzjonalista kif ukoll minn bosta unions u Korpi Kostitwiti issa kien imiss lill-President tal-MHRA Tony Zahra illi insista li pajjiżna ma jiflaħx għal dawn in-nies kollha li qed jaslu. Filwaqt illi stqarr li kaġun ta’ nuqqas ta’ investiment diversi setturi qed jaffaċċjaw sfidi kbar.
Waqt konferenza li saret il-Ġimgħa filgħodu propju waqt li kienet qed issir diskussjoni dwar is-settur turistiku, Tony Zahra qal li l-idea tal-Gvern li jisplodi l-popolazzjoni ta’ pajjiżna kienet ġennata.
U qal illi huwa għalhekk li pajjiżna qed jaffaċċja problema bl-iżbroff tad-drenaġġ fil-baħar, qtugħ fil-provvista tal-elettriku kif ukoll nuqqas ta’ spazju fl-Isptar Mater Dei.
Apparti minn hekk, Tony Zahra qal li l-MHRA tliet snin ilu nefqet €100,000 fuq il-carrying capacity report illi żvela kif pajjiżna ma jistax jibqa’ sejjer f’din id-direzzjoni. Dan filwaqt li għal darba darbtejn saħaq li aktar nies f’pajjiżna mhijiex is-soluzzjoni.
Intant, f’kummenti ma’ Net News il-President tal-MHRA stqarr li l-problemi li qed jaffaċċja pajjiżna bħalissa kienu diġa’ ġew imbassra – bil-Gvern baqa’ ma nvestiex.
Kaġun ta’ din l-isplużjoni fil-popolazzjoni pajjiżna qed jaffaċċja numru ta’ problemi fosthom traffiku f’kull ħin tal-ġurnata, dewmien sabiex wieħed jinqeda fid-Dipartiment tal-Emerġenza ta’ Mater Dei, nuqqas ta’ spazju fl-isptar, u qtugħ fil-provvista tal-elettiku għal sigħat twal f’temperaturi għoljin.
//= $special ?>