Is-Segretarju tal-Istat Amerikan, Antony Blinken, qal li jeżistu ‘provi ċari daqs il-kristall’ li l-Oppożizzjoni fil-Veneżwela rebħet l-elezzjoni għall-Presidenza li saret nhar il-Ħadd f’dak l-Istat Latin Amerikan.
Blinken, fi stqarrija, qal li l-provi jissostanzjaw l-għajta popolari li Edmundo Gonzales, il-kandidat tal-Oppożizzjoni, rebaħ il-maġġoranza tal-voti mitfugħin dakinar — u minkejja li l-President Soċjalista, Nicolas Maduro, kien iddikjara r-rebħa ftit wara għeluq il-vot nazzjonali.
Intant, żdiedet l-ispekulazzjoni li l-Kunsill Elettorali f’Karakas – li l-membri tagħha huma kollha ħbieb u kollegi ta’ Maduro – huwa kompliċi fi frodi intiża biex turi stampa għal kollox differenti minn dak li seħħ tassew.
U Blinken, issa, qal li ‘qed jidher ċar għall-Istati Uniti u l-poplu tal-Veneżwela li Edmundo Gonzales qed igawdi l-akbar appoġġ f’pajjiżu’. Dan waqt lil-Presidenti tal-Brażil, il-Messiku u l-Kolombja kollha ħeġġew lill-Veneżwela biex tippubblika d-dettalji kollha tal-elezzjoni tal-Ħadd.
L-Oppożizzjoni fil-Veneżwela –dritt wara d-dikjarazzjoni tar-rebħa min-naħa ta’ Maduro – ma żammitx lura milli tikkuntesta ‘ir-riżultat fażull’ u meta s-sostenituri ta’ Gonzales għandhom aċċess għall-istatistika mill-magni elettroniċi relatati mal-votazzjoni.
//= $special ?>