Lokali

AĠĠORNATA: Imut l-Eks Ministru Laburista Joe Brincat

Dalgħodu tħabbret il-mewt tal-Eks Ministru tal-Ġustizzja Joe Brincat – persuna li għal snin tawl kien attiv ferm fil-Partit Laburista, u fil-Parlament Malti.

Joe Brincat kien ġie elett l-ewwel darba fl-1971, u baqa’ jikseb il-fiduċja tal-kostitwenti għal ħames elezzjonijiet konsekuttivi. Imbgħad, kien reġa’ ġie elett fl-2003.

Magħruf sew għall-prinċipji soċjalisti tiegħu, Joe Brincat qatta’ kważi ħajtu kollha jaħdem fil-Qorti – sa dawn l-aħħar ġimgħat. Kien anke jagħtu kontribut fil-media tal-Partit Laburista, permezz ta’ programmi fuq ir-radju.

Fiż-żogħżija tiegħu, Brincat kien studja il-Latin, il-Filosofija u l-Ingliż. Filwaqt li għamel perijodu jaħdem bħala għalliem, qabel daħal għall-kors tal-liġi.

Joe Brincat serva wkoll bħala Deputy Leader tal-Partit Laburista. Fil-fatt, meta kien elett l-ewwel darba, hu kien l-ewwel persuna li qatt okkupa l-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit.

Fl-1998, Brincat kien elett f’din il-kariga wara r-riżenja ta’ George Abela – snin li raw lil Joe Brincat jaħdem spalla ma’ spalla ma’ Alfred Sant.

Riċentament, l-avukat Joe Brincat baqa’ attiv ferm anke bil-kitbiet tiegħu. L-aktar meta kritika l-mossa tal-Gvern li ried idaħħal l-abort. L-eks Deputy Leader Laburista kien ferm voċiferu dwar it-tmexxija preżenti, tant li s-sajf li għadda insista b’saħħa li Robert Abela kellu jieħu vot ta’ fiduċja fil-konfront tiegħu.

Joe Brincat kellu 80 sena u kien missier ta’ żewġt itfal.

Tislima mill-Kap tal-PN Bernard Grech

Insellem il-memorja ta’ Joe Brincat kollega fil-Qorti u politiku li kien jimpenja ruħu dejjem b’determinazzjoni kbira.

Ma qbilniex fuq diversi materji imma żgur dejjem qbilna li għandna nkunu ta’ servizz għal kulħadd, bl-istess mod kemm bħala avukati u kemm u bħala politiċi.

Inwassal il-kondoljanzi tiegħi u tal-PN lill-familja tiegħu.