Lokali

Net TV isaħħaħ postu bħala l-aktar stazzjon privat segwit f’pajjiżna

NETLIVE u Opinjoni ferm aktar favoriti minn Pjazza u Awla

Għat-tieni sena konsekuttiva, Net Television ikkonferma l-pożizzjoni tiegħu bħala l-aktar stazzjon privat segwit, tant li kompla jsaħħaħ l-udjenzi tiegħu.

Dan kien konfermat mill-aħħar stħarriġ tal-Awtorità tax-Xandir għal Frar u Marzu, illi juri kif Net TV kompla jsaħħaħ in-numri tajbin li diġa’ kellu.

L-Awtorità tax-Xandir tanalizza liema huma l-aktar stazzjonijiet segtiwi mill-udjenzi lokali. U bħala total, minn 15.7 fil-mija f’Diċembru, Net TV issa tela’ għal 18.7 fil-mija. Fl-istess perijodu, TVM naqqas 1.4%.

Bħala medja fuq bażi ta’ ġimgħa, Net TV tela’ minn 16.2 fil-mija għal 19.5 fil-mija.

Sinifikanti l-fatt li Net TV qabeż ukoll l-istazzjonijiet barranin. Bin-nies li pparteċipaw fis-survey isemmu l-programmi ‘NETLIVE’ u ‘Opinjoni’ bħala programmi ferm aktar favoriti minn dawk imxandra fuq l-istazzjon Laburista. Fil-fatt, wara NET NEWS, l-aktar popolari fuq Net Television jibqa’ l-programm ‘NETLIVE’.

Bħala aħbarijiet, NET NEWS issupera lis-Super One kważi f’kull ġurnata tal-ġimgħa.

Riżultati tajbin anke għal Net FM li żied l-udjenzi tiegħu minn 10 fil-mija għal 11.5 fil-mija.

Fejn jidħol ir-radju, l-istazzjon tal-Partit Laburista issa żelaq fit-tieni post u m’għadux l-aktar segwit.

Il-Kap tal-PN Bernard Grech irringrazzja lit-tmexxija, il-ħaddiema, voluntieri, telespettaturi u semmiegħa kollha li jagħmlu dan kollu possibbli u li “bis-saħħa tagħkom qed inkomplu nwasslu l-messaġġ tagħna għand iktar nies.”