Lokali

“Pajjiżna jeħtieġ turiżmu aktar sostenibbli” – MHRA

“Pajjiżna jeħtieġ li jinvesti f’turiżmu ta’ kwalità u f’turiżmu li huwa sostenibbli.”

Dan kien il-messaġġ li twassal waqt konferenza fejn ġie preżentat survey fuq l-andament tar-ristoranti u l-lukandi matul it-tieni kwart ta’ din is-sena.

Waqt id-diskors tiegħu, il-President tal-MHRA Tony Zahra qal li pajjiżna jeħtieġ li jiffoka fuq turisti li l-aktar jikkontribwixxu fl-ekonomija ta’ pajjiżna. Dan filwaqt illi wissa li jekk se jkomplu jiżdiedu t-turisti pajjiżna se jaffaċċja aktar problemi milli diġà għandu.

F’kummenti ma’ Net News il-President tal-MHRA Tony Zahra qal li minkejja ċertu sfidi li qed jaffaċċja s-settur il-lukandi u r-ristoranti … bħalissa għaddejjin b’ritmu tajjeb.

Matul din il-konferenza ġie żvelat li għalkemm żdiedu t-turisti kkumparat mal-istess perjodu is-sena li għaddiet l-ammont ta’ persuni li jibbukjaw akkomodazzjoni f’lukandi ta’ erba’ jew ħames stilel naqas bi ftit; li jfisser li t-turisti li qed jiġu f’pajjiżna qed jippreferu joqgħodu f’boutique hotel jew appartament.

Is-survey juri kif il-ġranet ibbukjati f’lukandi ta’ ħames stilel naqsu b’3.7% dan filwaqt li dawk f’lukandi ta’ erba’ stilel naqsu b’0.9%.

Intant, is-survey wera kif matul it-tieni kwart ta’ din is-sena ġew kważi miljun turist f’pajjiżna; b’żieda ta’ 152,000 persuna.