Lokali

Tbeżbiża oħra lil Gvern: L-MEA tgħid li l-qtugħ fil-provista tal-elettriku huwa inaċċettabbli

Il-qtugħ fil-provista tal-elettriku qed jaffetwa kemm lir-residenzi tan-nies kif ukoll lin-negozju. U dan huwa inaċċettabbli hekk kif bosta industriji qed jispiċċaw iħalsu għall-falimenti ta’ ħaddieħor.

Hekk sostniet l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem fi stqarrija fejn għamlet referenza wkoll għal dak li sab l-Awditur Ġenerali x-xahar li għadda meta ġie żvelat li dawn il-problemi fil-provista tal-elettriku huma riżultat ta’ investiment li ma kienx suffiċjenti biżejjed biex ilaħaq mal-bidla soċjo-ekonomika.

Għalhekk, kompliet tgħid l-MEA, in-negozji u l-industriji qed ikollhom iħalsu l-prezz tan-negliġenza li seħħet f’dan l-aħħar diċenju fis-settur tal-infrastrutura, kif ukoll riżultat ta’ pjannar li kellu jsir imma ma sarx biex jikkumbati ż-żieda fid-domnda li hija riżultat ta’ żieda fil-popolazzjoni.

L-MEA qalet li dan kollu ħoloq kriżi fis-sistema tad-distribuzzjoni li qed ikollha impatt fuq il-kwalità tal-ħajja tan-nies. Waqt li nnotat kif il-kumpens mwiegeħed mill-Gvern mhux se jagħmel tajjeb għan-nuqqasijiet enormi f’dan is-settur.

Provista stabli tal-enerġija huwa bzonn bażiku għal kul negozju, u l-użu ta’ generators qed jibgħat messaġġ qawwi kemm lill-poplu Malti kif ukoll lil ‘hinn minn xtutna li l-infrastrutura ta’ pajjiżna hija insuffiċjenti, żiedet tgħid l-Assoċjazzjoni ta’ Min Iħaddem.

Dawn il-miżuri li qed jimplimenta l-Gvern huma prova ċara li l-awtoritajiet qed jikkumbatu biex issibu soluzzjoni ‘long-term’, u dan qed iwassal biex pajjiżna qed isir pajjiż tat-tielet dinja.