57 persuna spiċċaw vittmi ta’ omiċidju volontarju fl-aħħar għaxar snin, bl-istatistika turi li zewġ terzi tal-vittmi kienu rġiel, filwaqt li terz kienu nisa.
Din l-istatistika ħarġet mill-NSO din il-ġimgħa, fejn intqal illi matul il-perjodu bejn l-2014 u l-2023, is-snin li raw l-inqas għadd ta’ omiċidji kienu l-2021 u l-2023 b’żewġ omiċidji jseħħu f’kull waħda minn dawn is-sentejn.
B’kuntrast, is-sena li rat l-ogħla rata annwali ta’ omiċidji kienet is-sena 2017 b’disa’ omiċidji li twettqu matul dik is-sena, segwita mill-2018 u mill-2020 b’sitt kazijiet ta’ omiċidji kull sena.
Ir-rata ta’ omiċidju għall-irġiel kienet baxxa l-aktar fil-perjodu bejn 2021 u 2023 b’vittma waħda għal kull 100,000 raġel fil-popolazzjoni, filwaqt li kienet l-ogħla bejn l-2016 u 2018.
Dan b’kuntrast mar-rata ta’ omiċidju għan-nisa kienet l-inqas fil-perjodi bejn 2019-2021 u 2020-2022.
Mill-istatistika jidher li kważi nofs il-vittmi kellhom bejn il-25 u l-44 sena, filwaqt li kwazi 20% kellhom bejn il-45 u d-59 sena. Madwar wieħed minn kull ħames vittmi kellhom ‘il fuq minn 59 sena. Dan filwaqt li ħamsa mis-57 vittma, kienu taħt l-età tal-25 sena.
Intant, bejn l-2014 u l-2018, tliet kwarti tal-vittmi kienu Maltin filwaqt li kwart kienu ta’ ċittadinanza barranija. Din id-data inbidlet meta mqabbla mal-perjodu 2019-2023, b’56% tal-vittmi kienu Maltin filwaqt li 44% kienu ta’ ċittadinanza barranija.
//= $special ?>