Lokali

Alfred Zammit jitlaq mill-istazzjon Laburista

Wara 24 sena bil-programm Kalamita, il-preżentatur u kunsillier Laburista Alfred Zammit telaq mis-Super One.

L-aħbar kienet ilha żmien iddur fiċ-ċrieki li huma involuti f’dan is-settur, iżda issa huwa konfermat li Zammit ħa deċiżjoni finali. Tant li l-programm tiegħu se jibda jsir fuq stazzjon ieħor.

Il-MaltaToday qed tirrapporta wkoll li Alfred Zammit se jkollu programm tar-radju kuljum fuq Smash. Bl-eks Sindku tal-Belt jinsisti li fis-Super One kien hemm nies li ma kienux kuntenti bih – dan mingħajr ma semma’ ebda ismijiet.

Fuq il-media soċjali, Zammit insista kif tul is-snin sab bsaten fir-roti. Hu stqarr li jibqa’ kburi li kien fundatur tal-One fis-snin disgħin.

Alfred Zammit kien spiċċa vittma tal-manuvri ta’ Kastilja wara li fl-elezzjoni ta’ Ġunju ħadmu kontrih biex ma jerġax jiġi elett Sindku tal-Belt. Tant li imbuttaw ‘il quddiem lil Olaf McKay. Dan tal-aħħar irnexxielu jisraqlu s-siġġu – xi ħaġa li infurjat lil Zammit u lin-nies tiegħu fil-Belt. B’ħafna jgħidu li mhux se jaħfruha lill-partit għal dak li sar.