Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista, Bernard Grech wassal messaġġ b’saħħtu favur iż-żgħażagħ u l-istudenti sabiex ikollhom l-opportunitajiet kollha li jaspiraw għalihom filwaqt li naraw Ewropa aħjar li timxi ‘l quddiem.
Dan qalu fil-laqgħa tal-Kunsill tal-European Democratic Students (EDS) li saret fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista fejn fis-sigħat illi ġejjin mistennija jiġu eletti 11-il membru, b’waħda mill-kandidati tkun iż-żagħżugħa Maltija, Chayenne Riolo li kienet ġiet nominata mill-SDM.
Bernard Grech wiegħed li huma dejjem se jsibu lill-Partit Nazzjonalista warajhom biex itihom is-sapport meħtieġ, kemm għal din l-għaqda u anke għal organizzazzjonijiet oħra li jaħdmu favur Ewropa aħjar.
Dan filwaqt li fakkar li kull membru huwa mexxejja favur is-sewwa u b’hekk m’għandhomx jitilfu l-opportunità li jassiguraw li kull żagħżugħ u żagħżugħa jkollhom id-drittijiet kollha sabiex tkun tista’ taspira u tasal fejn tixtieq. Dan favur Ewropa iktar magħquda f’kull aspett.
L-EDS taħdem biex tippromwovi Ewropa ħielsa, demokratika u magħquda permezz ta’ mobilità akbar tal-istudenti u politika edukattiva komprensiva madwar il-kontinent. L-Istudenti Demokratiċi Ewropej dejjem kienu fuq quddiem fl-integrazzjoni, fil-ġlieda għall-fruntieri miftuħa, l-Ewropa magħquda u d-dibattitu Ewropew fil-politika Ewropea.
L-EDS hija l-akbar għaqda taż-żgħażagħ fl-Ewropa kif ukoll parti mill-Partit Ewropew, il-Partit Popolari Ewropew (EPP). L-Għaqda kienet ġiet imwaqqfa fi Vjenna fl-1961 minn għadd ta’ studenti fejn l-iskop tagħha hu li tirrapreżenta l-ħtiġijiet ta’ miljuni ta’ studenti u żgħażagħ minn madwar 33 pajjiż fl-Ewropa.
Għal dawn l-aħħar snin kien propju Beppe Galea li serva bħala Chairman tal-EDS, l-istess persuna li tokkupa wkoll il-pożizzjoni ta’ Segretarju Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista.
Fost il-kandidati għal Viċi President hemm iż-żagħżugħa Maltija Chayenne Riolo, ta’ 22 sena li ġiet nominata mill-għaqda Studenti Demokristjani Maltin (SDM).
//= $special ?>