Lokali

In-negozji Maltin spiċċaw “on high alert minħabba r-reputazzjoni delikata ħafna”

Il-Kap Eżekuttiv tal-Malta Chamber of SMEs, Abigail Agius Mamo qalet li n-negozji Maltin jinsabu “on high alert” minħabba r-reputazzjoni li pajjiżna għandu quddiem l-iskandli li ħarġu taħt Gvern Laburista.

Dan qalitu waqt il-programm ta’ Andrew Azzopardi s-Sibt filgħodu fejn qalet li n-negozji żgħar u medji spiċċaw isibuha ferm iktar diffiċli minn qatt qabel li jmexxu ‘l quddiem in-negozji tagħhom f’pajjiżna.

“Il-fatt li Malta għadha għaddejja minn dawn il-burraxki, it’s an ever ending story illum il-ġurnata, il-ħin kollu għaddejjin, għadna ovvjament taħt il-lenti, għandna reputazzjoni delikata ħafna, u dawn l-affarijiet kollha.”

B’Agius Mamo qalet li l-professjonisti Maltin spiċċaw għarkubtejhom.

“Illum il-ġurnata, anke l-professjonisti, l-accountants tagħna, l-awdituri tagħna, in-nutara, l-avukati, dawn illum l-ġurnata qegħdin kulħadd on high alert ma jmurx jinqala’ xi ħaġa.”

Stħarriġ tal-Ewrobarometru kien wera li n-negozji żgħar u medji f’Malta huma mħassbin bil-livell ta’ korruzzjoni u nuqqas ta’ governanza tajba, u huma l-iktar żewġ kwistjonijiet li jixtiequ li l-Gvern jindirizza.

Dan apparti li qed jappellaw lill-Gvern sabiex jagħti indikazzjoni ċara ta’ fejn irid jieħu l-ekonomija, u kif irid li jsir dan. Fl-isfond li 80% tan-negozjanti jħossu li Malta miexja fid-direzzjoni l-ħażina.