Is-segretarjat tad-difiża tal-Istati Uniti rrevokat ftehim li kien jara lill-akkużati li ppjanaw l-attakki tal-11 ta’ Settembru jevitaw is-sentenza ta’ mewt.
Nhar l-Erbgħa, il-prosekuturi kienu laħqu ftehim biex Khalid Sheikh Mohammed, Walid bin Attash u Mustafa al-Hawsawi iwieġbu ħatja ta’ akkużi ta’ konfoffa. Jumejn wara, is-Segretarju tad-Difiża, Lloyd Austin ħassar dan il-ftehim – xi ħaġa li qajmet kontroversja sħiħa peress li dan il-ftehim kien jara lil dawn l-akkużati jaffaċċjaw sentenza ta’ għomorhom il-ħabs minflok piena ta’ mewt f’Guantanamo Bay.
Mohammed, li huwa l-akkużat li kien il-moħħ wara l-attakki tal-11 ta’ Settembru – li nqatlu 2,977 persuna – inqabad fil-Pakistan fl-2003. Huwa ilu miżmum f’Guantanamo Bay flimkien ma’ Walid bin Attash u Mustafa al-Hawsawi minn Diċembru 2006. Sena wara, huwa ammetta li kien il-moħħ wara l-attakki tal-11 ta’ Settembru u diversi attakki terroristiċi oħra wara li ġie ttorturat waqt l-interrogazzjonijiet.
It-tlieta kienu mistennija li formalment jammettu l-ħtija l-ġimgħa d-dieħla.
Id-deċiżjoni li jintlaħaq ftehim mat-tliet suspettati ħolqot rabja fost xi qraba tal-vittmi tal-11-il Settembru.