Iż-żagħżugħa Maltija, Chayenne Riolo ta’ 22 sena ġiet eletta biex għas-snin illi ġejjin taħdem bħala Viċi President fi ħdan il-European Democratic Students (EDS) wara li ġiet nominata mill-SDM.
Dan wara li l-Kunsill tal-EDS, matul il-jum tas-Sibt żamm elezzjoni fil-laqgħa tal-Kunsill organizzata mill-SDM u li saret fid-Dar Ċentrali tal-Partit Nazzjonalista fejn ġew eletti President, Segretarju Ġenerali u Viċi Segretarju Ġenerali, u tmien Viċi Presidenti.
Dan filwaqt li l-President elett huwa Francesco Sismondini, isem mhux ġdid fi ħdan din l-organizzazzjoni hekk kif kien serva bħala Direttur Eżekuttiv f’termini passati.
L-EDS taħdem biex tippromwovi Ewropa ħielsa, demokratika u magħquda permezz ta’ mobilità akbar tal-istudenti u politika edukattiva komprensiva madwar il-kontinent. L-Istudenti Demokratiċi Ewropej dejjem kienu fuq quddiem fl-integrazzjoni, fil-ġlieda għall-fruntieri miftuħa, l-Ewropa magħquda u d-dibattitu Ewropew fil-politika Ewropea.
L-EDS hija l-akbar għaqda taż-żgħażagħ fl-Ewropa kif ukoll parti mill-Partit Ewropew, il-Partit Popolari Ewropew (EPP). L-Għaqda kienet ġiet imwaqqfa fi Vjenna fl-1961 minn għadd ta’ studenti fejn l-iskop tagħha hu li tirrapreżenta l-ħtiġijiet ta’ miljuni ta’ studenti u żgħażagħ minn madwar 33 pajjiż fl-Ewropa.
Għal dawn l-aħħar snin kien propju Beppe Galea li serva bħala Chairman tal-EDS, l-istess persuna li tokkupa wkoll il-pożizzjoni ta’ Segretarju Internazzjonali tal-Partit Nazzjonalista.
//= $special ?>