“L-arloġġ qatt ma jdur lura fil-ħajja – l-arloġġ dejjem jimxi ‘l quddiem” – Mistoqsi fuq Joseph Muscat, Abela jgħid li ma jridx jitkellem fuq il-passat.
Kull politiku għandu bidu u tmiem tiegħu – l-arloġġ qatt ma tista’ treġġgħu lura, l-arloġġ dejjem jimxi ‘l quddiem.
Hekk sostna f’intervista l-Mexxej Laburista u Prim Ministru Robert Abela meta mistoqsi mill-ġurnalist Tim Diacono minn Lovin Malta dwar il-predeċessur tiegħu Joseph Muscat, u s-sehem attiv li kellu fl-aħħar kampanja elettorali.
Matul l-intervista, Abela deher viżibbilment skomdu jwieġeb dwar Joseph Muscat u l-effetti li ħalla fuq ir-riżultat elettorali, kawża tal-qasma ċara li hemm fi ħdan il-Partit Laburista bejn il-faxxa tal-Prim Ministru u dik ta’ Muscat.
Wara r-riżultat elettorali bosta kienu dawk li żvelaw ma’ Net News kif Abela kien ħadha kontra dawk li ħallew lil Joseph Muscat jirkbilhom il-karru elettorali tagħhom, fosthom il-Membri Parlamentari Ewropej Laburisti Alex Agius Saliba u Daniel Attard.
Mistoqsi x’jaħseb dwar Muscat, Robert Abela ta x’jifhem li għandu jwarrab mix-xena politika… għaliex kieku hu hekk jagħmel.
Meta mistoqsi x’messaġġ ta l-poplu dwar Joseph Muscat, il-Mexxej tal-Labour saħaq li l-Labour ġie mitlub iwassal verżjoni aħjar tiegħu u għal darb’oħra insista li meta jasal fi tmiem il-karriera politika tiegħu, hu jtemmha b’mod assolut – għaliex jemmen li l-arloġġ qatt ma jħares lura.
Mistoqsi b’mod insistenti mill-ġurnalist biex iwieġeb dwar jekk qabilx li fil-ġimgħat tal-kampanja Joseph Muscat kellu sehem attiv, fejn saħansitra żerżaqha li ma jeskludix li jerġa’ jixħet lilu nnifsu fir-ring politiku., Abela tenna li hu jemmen li f’għeluq it-terminu ta’ politiku wieħed m’għandux iħares lura u insista li partit għandu jkollu leader wieħed.
Għad-differenza tad-dikjarazzjonijiet li għamel fil-konfront ta’ Jason Micallef, b’rabta mal-kandidatura tiegħu għal Deputat Mexxej Laburista, id-diskors kien kemxejn differenti fil-konfront ta’ Claudette Abela Baldacchino għaliex qatt ma kellha pożizzjoni formali fil-Labour.
Intant, mistoqsi jekk jaħsibx li qed jitlef il-kontroll tal-Labour, Abela insista assolutament li le u saħaq li l-elezzjoni ġenerali, sakemm ma jinqala’ xejn straordinarju, għandha tiġi fl-2027 – bih fit-tmun tal-Labour.
//= $special ?>