“Gvern Laburista falla f’kull settur u huwa inaċċettabbli li qed ikompli jtebba’ r-reputazzjoni ta’ pajjiżna.”
Hekk stqarr il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech f’kumment telefoniku waqt il-programm Analiżi, fuq Net FM, fejn tkellem fost l-oħrajn dwar is-saga ta’ Edward Scicluna, l-iskandlu tal-ID Cards u l-kriżi fis-settur tal-enerġija.
Fuq is-saga ta’ Edward Scicluna, Bernard Grech qal li l-Prim Ministru Robert Abela ġie sfiduċjat mill-Ministri tiegħu stess tant li kellu jċedi għal dak li riedu huma u għal dak li ried Joseph Muscat. Dan apparti li qal li Edward Scicluna spiċċa b’nofs paga wara l-pressjoni li saret mill-Partit Nazzjonalista iżda saħaq li huwa inaċċettabbli li Edward Scicluna għadu Gvernatur tal-Bank Ċentrali ta’ Malta.
Hawnhekk, Bernard Grech sostna li l-Partit Nazzjonalista se jkompli jagħmel pressjoni sabiex jitlaqqa’ l-Parlament b’mod urġenti bil-għan li din il-materja tant importanti tiġi diskussa.
Il-Kap tal-Partit Nazzjonalista qal li bl-aġir ta’ Robert Abela r-reputazzjoni ta’ pajjiżna kompliet tieħu daqqa ‘l isfel b’ħafna setturi f’pajjiżna jinsabu ferm inkwetanti għaliex proprju jiddependu fuq ir-reputazzjoni ta’ pajjiżna.
Mistoqsi fuq il-kriżi tal-enerġija, Bernard Grech qal li huwa inaċċettabbli li għat-tieni sajf konsekuttiv pajjiżna qed jesperjenza qtugħ tad-dawl għal sigħat twal filwaqt li fakkar li dan huwa kaġun tan-nuqqas ta’ investiment fid-distribuzzjoni kif ukoll fil-ġenerazzjoni min-naħa ta’ Gvern Laburista.
Intant, Bernard Grech assigura li Gvern ġdid Nazzjonalista se jieħu d-deċiżjonijiet kollha meħtieġa sabiex il-poplu ma jerġax jgħaddi minn din il-kriżi kif ukoll se jħaddem politika li se tipprovdi kwalità ta’ ħajja aħjar lill-poplu Malti u Għawdxi kollu.
//= $special ?>