Lokali Mużika

Il-kanzunetta ‘Għażiża’ interpretata minn Laura Bruno tirbaħ L-Għanja tal-Poplu

L-Għanja tal-Poplu ttella’ nhar is-Sibt 3 ta’ Awwissu fi Pjazza Teatru Rjal, fejn instemgħu s-sittax-il kanzunetta finalista akkumpanjati mill-Malta Concert Orchestra. Għat-48 edizzjoni ta’ L-Għanja tal-Poplu ġew sottomessi 120 kanzunetta oriġinali.

Fil-finali, ir-rebbieħa ntgħażlu minn ġurija esperta flimkien ma’ ġurija popolari. Il-ġurija popolari kienet magħmula minn membri tal-pubbliku kif ukoll membri tal-Malta Concert Orchestra.

Il-kanzunetta ‘Għażiża’ interpretata minn Laura Bruno fuq kliem u mużika ta’ Mark Spiteri Lucas, ġiet iddikjarata bħala r-rebbieħa ta’ L-Għanja tal-Poplu 2024. Il-kanzunetta titkellem dwar l-imħabba tal-omm. Il-firda meta tiġi nieqsa l-omm hija iebsa u dak li jkun jittama li l-omm xorta tibqa’ tmexxih matul ħajtu.

Ritratt: Martin Agius

Laura Bruno ngħatat ukoll il-premju Enzo Gusman għall-aħjar interpretazzjoni.

Ritratt: Martin Agius

Il-kanzunetta ‘Namra’ kantata minn Florence Aquilina bi kliem u mużika tagħha, ġiet ikklassifikata fit-tieni post. Florence Aquilina rebħet ukoll il-premju għall-aħjar kantawtur. Namra hija kanzunetta fuq ġesti, ħsibijiet, ħolm u tamiet ta’ meta jkollok namra lejn persuna. L-istil tal-kanzunetta huwa ‘celtic folk’.

Fit-tielet post ikklassifikat il-kanzunetta ‘Fissidni’ interpretata minn Dario Bezzina, bi kliem u mużika tal-istess Dario Bezzina. Il-kanzunetta tesprimi l-imħabba ta’ bejn iben u omm. Il-kantawtur qiegħed jitlob l-ommu tfissdu bħal meta kien żgħir. Iwegħedha li la tixjieħ, ħa jkun qiegħed hemm ifissidha u jieħu ħsiebha hu.

Il-premju għall-aħjar tema soċjali mar għand Lon Kirkop bil-kanzunetta ‘Straight’ interpretata minnu stess. Il-kanzunetta titkellem fuq l-esperjenzi personali tiegħu tul is-snin bħala persuna gay. Is-soċjetà dejjem stenniet minnu li jkun ‘ir-raġel tipiku’. Dak li kien mistenni minnu kien differenti minn dak li verament hu jew dak li xtaq f’ħajtu. Straight titkellem dwar sfidi oħra li sfortunatament Kirkop għadu jaffaċċja f’ħajtu proprju għaliex hu gay. Finalment Kirkop huwa kuntent kif inhu.

Il-kumitat organizzattiv ippreżenta l-premju L-Għanja Li Tibqa’ lil Renato Micallef għall-kontribut tiegħu lejn il-kanzunetta Maltija. Renato interpreta l-kanzunetta ‘Bizzilla bil-Ġebliet’ tal-awtur Ġorġ Saliba u l-kompożitur Dominic Galea.