Internazzjonali

Il-Libanu: Possibbiltà ta’ eżodu kbir tal-barranin fost is-sħab tal-gwerra…

Żdiedet il-possibbiltà li l-Libanu jispiċċa fl-eqqel ta’ gwerra kbira reġjonali fuq l-istess livell tal-kunflitt storiku tal-1967 – magħruf bħala l-Gwerra ta’ Sitt Ijiem – fit-territorji tal-Lvant Nofsani. Dan meta numru akbar ta’ pajjiżi qed iħeġġu liċ-ċittadini tagħhom biex jitilqu mill-artijiet Lebnaniżi fost is-sinjali  li l-Iran – u l-milizji Xiti Lebaniżi tal-Heżbollah – qed jippreparaw offensiva kbira fuq Iżrael.

Is-sitwazzjoni tant saret perikoluża u delikata li l-Istati Uniti wissiet iċ-ċittadini tagħha biex jaqbdu l-ewwel titjira ‘l barra mil-Libanu – u fi żmien meta l-Lvant Nofsani kollu jinsab lest għal mewġa ġdida ta’ ostilitajiet.

L-Iran qed iwiegħed ritaljazzjoni ħarxa kontra Iżrael wara li l-Kap tal-grupp terroristiku Palestinjan Hamas, jiem ilu, spiċċa maqtul minn missila li laqtet direttament il-kamra ta’ bini, f’Tehran, f’ħin meta hu kien rieqed.

Min-naħa tagħhom, l-Iżraeljani ma kkummentawx dwar il-qtil ta’ Ismail Haniyeh avolja hemm probabbiltà kbira li l-Kap tal-Ħamas spiċċa mmarkat għall-mewt wara li s-servizzi sigrieti ta’ Iżrael indikaw il-bini fejn hu kien residenti għal żmien temporanju.

L-assassinar ta’ Haniyeh seħħ sigħat biss wara li l-Iżraeljani kienu qatlu lil Fuad Shukr, wieħed mill-kapijiet ewlenin tal-grupp Ħeżbollah, waqt attakk dirett fuq lokalità f’Bejrut, il-kapitali Lebaniża.

U issa, l-uffiċjali tal-Punent huma kważi ċerti lil-Ħeżbollah – li ilu s-snin alleat tal-Iran – għandu jaqdi rwol kruċjali fil-‘kampanja ta’ ritaljazzjoni’ li qed iħejji r-reġim fundamentalista ta’ Tehran. Ritaljazzjoni li bla dubju għandha tiġġenera reazzjoni kbira fuq livell militari min-naħa ta’ Iżrael.

Fl-aħħar sigħat, l-Istati Uniti u pajjiżi oħrajn tal-Punent kienu għaddejjin bl-isforzi diplomatiċi biex inaqqsu xi ftit mit-tensjoni madwar il-Lvant Nofsani.

U fl-istess ħin, pajjiżi bħar-Renju Unit, Franza, l-Iżvezja, il-Kanada u l-Ġordan kienu qed jappellaw liċ-ċittadini tagħhom biex joħorġu ‘mingħajr telf ta’ ħin’ mil-Libanu. Intant, tħassru jew spiċċaw sospiżi numru sostanzjali ta’ titjiriet ‘il barra mill-uniku ajruport kummerċjali f’Bejrut – madankollu, ma kien hemm l-ebda sinjali ta’ paniku fost in-nies li kienu qed jiffullaw it-terminal.

L-Ambaxxata Amerikana f’Bejrut, issa, ħarġet avviż biex l-Amerikani kollha li jagħżlu li jibqgħu f’Bejrut minkejja ċ-ċirkutanzi, iħejju ‘pjan ta’ kontinġenza’ filwaqt li jippreparaw għal sitwazzjoni potenzjali fejn huma jkollhom jibqgħu f’zona ta’ kenn għal żmien indefinittiv.

Intant, fl-aħħar sigħat, il-Ħeżbollah sparaw għexieren ta’ rokits lejn il-belt Iżraeljana ta’ Beit Hillel u li kienu interċettati mis-sistema tad-difiża magħrufa bħala ‘Iron Dome’. L-attakk ma ssarrafx fil-vittmi u bil-qawwiet tal-ajru Iżraeljani, imbagħad, iwettqu rejd fit-tul fuq il-miri tal-Ħeżbollah fl-inħawi Lebaniżi tan-Nofsinar.