Internazzjonali

Il-Veneżwela: Qed tkompli tixli lill-President dwar ‘is-serqa tal-elezzjoni’

Il-Kap tal-Oppożizzjoni tal-Veneżwela kompliet bl-attivitajiet politiċi bi sfida diretta għall-President Nicolas Maduro li qed ikun akkużat dwar qerq u frodi li għenuh jisraq l-elezzjoni tax-xahar li għadda għat-tmexxija tal-pajjiż.

Maria Corina Machado hi fost il-personalitajiet u attivisti li Maduro u l-Gvern Soċjalista f’Karakas qed jhedduhom bil-‘pieni massimi’ f’każ li huma jkomplu bl-akkużi ta’ manipulazzjoni tal-proċess elettorali.

Intant, Machado – li kienet ilha ma tidher għal jiem – issa indirizzat rally tal-massa f’Karakas u fejn irrepetiet li l-kandidat tal-Oppożizzjoni, Edmundo Gonzalez, spiċċa l-vittma ta’ kampanja qarrieqa ppjanata mill-President u sħabu.

U waqt li l-Kummissjoni Elettorali fil-Veneżwela – ikkontrollata mill-alleati ta’ Maduro – insistiet li l-President rebaħ 52 fil-mija tal-votazzjoni tat-28 ta’ Lulju, l-osservaturi internazzjonali qed jgħidu li l-proċess kien nieqes sew mit-trasparenza.

Il-Kummissjoni għadha ma pubblikatx ir-riżultati kollha tal-elezzjoni – bl-Oppożizzjoni tisħaq li l-kalkuli tagħha qegħdin juru rebħa b’marġni kbira għal Gonzalez ‘u li tirrifletti l-pronostiku ġenerali ta’ qabel l-elezzjoni’.