Internazzjonali

L-Antartiku: Il-fenomenu tal-‘iceberg’ li qed jirreżisti l-aktar kurrenti tal-oċean b’saħħithom

Ix-xjenzati qed jirrimarkaw mill-ġdid dwar l-attività tal-akbar blokka ta’ silġ (iceberg) fid-dinja – l-A23a – u li, bħala daqs, fiha aktar mid-doppju tar-reġjun sħiħ ta’ Londra.

Dan meta l-iceberg ilu x-xhur idur kontinwament fl-istess post f’zona ftit ‘il fuq mir-reġjun tal-Antartiku – u fejn fost oħrajn ‘qed jirreżisti’ għall-pressjoni mill-aktar kurrenti tal-oċean b’saħħithom fid-dinja.

Ix-xjenzati issa għandhom ‘il-viżwali’ ġodda tal-blokka tas-silġ fost il-movimenti tagħha fuq hekk imsejjaħ ‘ċilindru tal-ilma’.

L-oċeanografi u esperti oħra jirreferu għal dan il-fenomenu bħala Taylor Column u meta l-blokka tas-silġ speċifika, kuntrarju għall-icebergs oħrajn, ilha tirreżisti għall-proċess naturali ta’ frammentazzjoni u dawbien.

Għaldaqstant, l-esperti dwar il-fenomenu fir-reġjun polari qegħdin jirreferu għall-A23a bħala ‘l-iceberg li ma jridx imut’ – u mindu l-blokka tas-silġ kienet inqatgħet mill-kumplament tal-kosta tal-Antartiku fl-1986.

Fil-preżent, l-A23a tinsab statika f’zona lejn it-Tramuntana tal-Gżejjer Orkney u fejn għandha tibqa’ kkonfermata bħala ‘waħda mis-sorpriżi ewlenin relatati mal-attività tal-oċean’.