Lokali

“Ma jistax ikun dak li ma kienx tajjeb u twarrab fl-2008/9 sar tajjeb illum” – il-kandidatura ta’ Micallef tkompli taqsam lil-Labour

Hija evidenti l-firda bejn il-Labour tal-passat u dak tal-futur, ittimbrati hekk minn Robert Abela nnfisu f’intervista li ta fl-aħħar jiem meta mistoqsi dwar il-kandidatura ta’ Jason Micallef għal Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit.

Huwa evidenti li fi ħdan il-Partit Laburista mhux kulħadd kuntent li Jason Micallef qed jerġa’ jittanta jiġi elett fit-tmexxija tal-Labour – dan wara li bejn l-2003 u l-2009 okkupa l-kariga ta’ Segretarju Ġenerali Laburista – ikkaratterizzata mit-telfa elettorali tal-2008… u l-ġlied li kellu ma’ George Abela, missier il-Prim Ministru Robert Abela.

Mat-Times of Malta u l-Illum, diversi Ministri u uffiċjali tal-Labour saħqu li l-ħatra ta’ Micallef mill-ġdid fit-tmexxija Laburista taf tfisser telfa elettorali ċerta għalihom għaliex, skont huma, Jason Micallef huwa partiġjan wisq; bniedem li jifred minflok jgħaqqad – persuna li ġġib l-interessi tal-partit qabel kollox, inkluż dak tal-pajjiż.

Huwa ċar li Robert Abela tilef il-kontroll tal-faxxa ta’ Joseph Muscat, bil-gazzetta MaltaToday tirrapporta li Muscat u sħabu jridu jerġgħu jirbħu mill-ġdid il-kontroll fuq il-Partit Laburista.

Lura f’Mejju, il-pajjiż diġà kien xhieda tal-qasma li hemm fi ħdan il-Labour; meta l-istess Jason Micallef, flimkien ma’ Emmanuel Cuschieri u Charlon Gouder sejħu massa nies quddiem il-binja tal-Qorti biex jagħtu sostenn lil Joseph Muscat – u marru kontra l-ordnijiet tal-Prim Ministru u Mexxej Laburista.

Issa Abela, b’rabta ma’ Jason Micallef, qiegħed jgħid li l-Partit Laburista ma jistax iħares lura imma ‘l quddiem, u li meta żmienek ikun spiċċa terġax tiġi lura – stqarrija ċara u tonda għall-istess Micallef.

Stqarrija li numru ta’ Deputati Laburisti, iżda mhux kollha, jidher li qablu magħha – fosthom is-Segretarju Parlamentari Keith Azzopardi Tanti fejn qal li ma jistax ikun li dak li ma kienx tajjeb u twarrab fl-2009 sar tajjeb illum.

Qasma evidenti li kompliet tidher anke mill-waħdiet li qabżu għal Robert Abela u qalu li jinsabu warajh, fosthom il-Ministri Chris Bonett, Owen Bonnici, Clifton Grima u Clint Camilleri li qal li ma jridx jitlef l-elezzjoni….u oħt il-mara ta’ Robert Abela, Alison Zerafa Civelli li oħroġ il-għaġeb qalet li jinsabu magħqudin wara l-Mexxej. Stqarrijiet viżibbilment sfurzati biex jgħattu l-inkwiet li hemm fil-kurituri taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista.

F’intervista fil-ħarġa tal-Ħadd tal-gazzetta ‘Illum’, Jason Micallef qal li għandu relazzjoni tajba ma’ Robert Abela li huwa proprju l-mexxej tiegħu. Surrealment, jumejn ilu, l-istess Micallef qal li tkellem ma’ Abela qabel xeħet il-kandidatura tiegħu – minkejja li fl-istess waqt fuq il-midja Abela ta x’jifhem li ma jridx li d-delegati jivvotaw lilu.

Intant, f’din l-istess intervista, wieħed jista’ jikkonferma dak li qalu wħud mill-uffiċjali Laburisti, ċioè li Micallef jara l-interessi tal-Labour biss. Dan hekk kif mistoqsi jekk l-iskandli tal-Panama, Vitals u l-assassinju ta’ Daphne Caruana Galizia ħallewx effett fuq il-Partit tal-Labour – Micallef wieġeb li għajr għal kwistjoni Vitals – b’rabta mal-iskandli l-oħrajn il-Labour rebaħ l-akbar elezzjonijiet ġenerali.

Dan filwaqt li temm jgħid li se jibqa’ jiddefendi lill-Eks Prim Minsitru Joseph Muscat.