Il-Gvern Britanniku għamilha ċara li qed jagħti appoġġ totali lill-Pulizija Metropolitana biex tieħu l-azzjoni li hemm bżonn kontra l-folol tad-dimostranti estremisti li qegħdin jiżirgħu l-inkwiet ‘u l-mibegħda’ fl-ibliet tar-Renju Unit.
Dan meta fl-aħħar sigħat komplew l-irvellijiet waqt id-dimostrazzjonijiet organizzati mill-gruppi estremisti tal-lemin – u bil-pulizija tagħmel l-għexieren tal-arresti f’numru ta’ bliet.
It-tensjoni ilha tirranka mindu, ġimgħa ilu, ġuvni li għandu l-oriġini fir-Rwanda, qatel u darab lil diversi bniet ċkejknin li sfaw attakkati waqt li kienu qed jieħdu sehem f’attività taż-żfin fil-belt ta’ Southport, f’Merseyside.
Fl-aħħar sigħat, intant, kien hemm inkwiet kbir b’kaġun tal-folol li ħarġu fiċ-ċentri tal-ibliet u li kkaġunaw l-inċidenti vjolenti fl-inħawi ta’ Liverpool, Manchester, Hull, Bristol, Stoke-on-Trent u Blackpool. Kien hemm anki d-dimostrazzjonijiet vjolenti f’Belfast, il-kapitali tal-Irlanda ta’ Fuq.
F’ħafna sitwazzjonijiet, id-dimostranti waddbu diversi oġġetti lejn il-pulizija, bil-ħwienet u stabbilimenti oħra jispiċċaw suġġetti għall-vandaliżmu. Madankollu, kien hemm ukoll id-dimostrazzjonijiet li mxew bl-ordni u b’mod dixxiplinat.
Fil-belt ta’ Liverpool spikkaw ukoll gruppi tad-dimostranti li konfrontaw il-folol li huma kontra l-immigrazzjoni u li kienu qed jgħajtu l-islogans kontra l-Iżlamiċi. Dan waqt li l-pulizija għal kontra l-irvellijiet għamlu li setgħu biex iżommu lid-dimostranti rivali ‘l bogħod minn xulxin – u meta xorta kien hemm il-waqtiet tal-ġlied li baqgħu għaddejjin sal-Ħadd filgħodu.
Gruppi tad-dimostranti f’Liverpool garaw il-logħob tan-nar lejn il-pulizija u fejn xi estremisti tal-lemin anki taw in-nar lil-librerija fiz-zona ta’ Walton.
L-aħħar rapporti kkonfermaw li fl-inċidenti weġġgħu numru mhux ħażin ta’ uffiċjali tal-pulizija – bl-awtoritajiet f’Liverpool joħorġu stqarrija ta’ kundanna ‘għal kull min kien involut fl-inċidenti ta’ mistħija’.
Fl-aħħar sigħat, il-Ministeru għall-Intern Britanniku wissa li kull min jikser l-ordni u jixpruna l-inċidenti vjolenti fl-ibliet tal-pajjiż, għandu jiffaċċja sentenzi ta’ ħabs u tipi oħrajn ta’ pieni li, fost oħrajn, jipprojbulhom kull tip ta’ safar għal żmien indefinittiv.
I
//= $special ?>