Lokali

Artist Malti Samuel Schiavone jirbaħ diversi premjijiet waqt tattoo convention f’Belfast

Samuel Schiavone, artist Malti magħruf bħala @samtattoos7 fuq Instagram, rebaħ diversi premjijiet waqt it-Titanic Tattoo Convention, li saret f’Belfast bejn it-2 u l-4 ta’ Awwissu 2024.

Samuel ġie fl-ewwel post fil-kategorija tal-aqwa uċuħ, kiseb l-ewwel post fil-kategorija tal-aqwa tattoo li saret is-Sibt, u ġie fit-tieni post fil-kategorija tal-aqwa tattoo li saret matul il-kompetizzjoni kollha. Is-suġġett prinċipali ta’ din it-tattoo bit-tema noir hija l-attriċi ikonika tas-snin erbgħin Lauren Bacall.

It-Titanic Tattoo Convention hija popolari fl-industrija tat-tattoo u għaldaqstant, tattira bosta artisti minn madwar id-dinja.

Iktar kmieni din is-sena, Samuel ipparteċipa fil-Milano Tattoo Convention fejn ġie fl-ewwel post fil-kategorija tal-aqwa tattoo kbira monokromatika, u fit-tieni post fil-kategorija tal-aqwa tattoo li saret is-Sibt.

Kisbiet bħal dawn mhux biss isaħħu r-reputazzjoni tal-artist, iżda jġibu unur u rikonoxximent għal Malta.