Il-Prim Ministru ta’ Bangladesh, Sheikh Hasina, kienet kostretta li taħrab minn pajjiżha wara mewġa ta’ protesti kontra l-Gvern, li fihom inqatlu l-mijiet tan-nies.
Ir-rapporti qalu li ħelikopter tal-Armata wasslet lil Hasina u lil oħtha lejn post aktar sikur u li l-lokalità tiegħu ma ssemmitx mill-mezzi tax-xandir. Dan ukoll fost indikazzjonijiet li l-Prim Ministru qed tippjana biex tgħix għal xi żmien fl-Indja waqt li pajjiżha jkompli jegħreq f’infern ta’ vjolenza.
Fl-aħħar sigħat, folol kbar ta’ dimostranti daħlu bil-forza fir-residenza uffiċjali ta’ Hasina f’Dhaka – u wara li ma servew għal xejn l-impożizzjoni ta’ curfew flimkien mal-kontrolli eċċessivi għall-Internet.
Nhar il-Ħadd inqatlu viċin il-100 persuna waqt il-battalji bejn il-pulizija u d-dimostranti – b’dawn il-vittmi jtellgħu l-maqtula waqt il-jiem ta’ vjolenza għal aktar minn 300.
Id-dmija hi fost l-agħar li qatt seħħet f’Bangladesh mindu l-pajjiż, fl-1971, kiseb l-indipendenza mill-Pakistan wara disa’ xhur ta’ gwerra.
Il-vjolenza attwali f’Bangladesh ilha minn Lulju fost il-protesti kontra l-impożizzjoni ta’ kwoti għall-impjiegi mas-servizzi ċivili. Protesti dominati mis-sejħa biex Hasina tispiċċa minn Prim Ministru wara li kienet ilha fil-poter għal 20 sena.
//= $special ?>