Internazzjonali

Benjamin Netanyahu jgħid li rebħa fuq il-Hamas tinsab fil-qrib, però r-realtà turi storja differenti

Benjamin Netanyahu, il-Prim Ministru ta’ Iżrael, stqarr li l-Forzi Iżraeljani jinsabu viċin li jiksbu l-għan aħħari tagħhom biex jeliminaw u jkissru lill-Hamas. Dan waqt li kien qed jindirizza l-Kungress, lura fl-24 ta’ Lulju.

Waqt li kien qed jindirizza l-Kungress Amerikan, Netanyahu saħaq li rebħa tinsab fil-qrib.

Netanyahu qed jaffaċċja pressjoni internazzjonali biex iwaqqaf il-ġlied f’dan ir-reġjun u jaċċetta ftehim biex jinħelsu persuni ostaġġi f’Gaza.

Però, skont analiżi mis-CNN u l-Istitut għall-Istudju tal-Gwerra, kważi nofs il-militar tal-Hamas qed jibni mill-ġdid ir-reżiljenza u s-saħħa tagħhom lejn il-forzi ta’ Iżrael fit-tramuntana u fiċ-ċentru ta’ Gaza.

Fl-attakki tas-7 ta’ Ottubru tal-2023, il-Hamas qatlu madwar 1,200 persuna u ħatfu iżjed minn 250 persuna.

Min-naħa l-oħra Iżrael qatlu aktar minn nofs il-kmandanti tal-Hamas u aktar minn 14,000 ġellied f’Gaza. Skont statistiċi mill-Ministeru tas-Saħħa f’Gaza, kważi 40,000 persuna nqatlu u iżjed minn 91,000 persuna weġġgħu mindu bdiet din il-gwerra.

Il-ġimgħa li għaddiet Ismail Haniyeh, il-mexxej politiku tal-Hamas, inqatel f’Tehran, fl-Iran – attakk li Iżrael għadu ma assumiex responsabbiltà għalih. Iżda mhux hekk biss, Iżrael qal li kmandant għoli tal-Hamas, Mohammed Deif, inqatel minn attakk bl-arju f’Gaza fit-13 ta’ Lulju; rapport li l-Hamas la kkomferma u lanqas ċaħad.

Esperti Militari mill-Istat Uniti qed isotnu li peress li dan il-kunflitt għadu għaddej f’Gaza, il-Hamas għadhom b’saħħithom u magħquda biżżejjed biex jiġġieldu din il-gwerra.

Għaldaqstant, uffiċjali mill-Gvern Amerikan qed jistqarru li dan il-kunflitt jista’ jieqaf biss billi jintlaħaq ftehim politiku.