Inkjesta Pubblika tindirizza bosta elementi importanti, tirritorna lill-pubbiku l-flus misruqa b’mod frawdolenti u tindaga għalfejn il-maħfra presidenzjali ngħatat tliet ġimgħat qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.
Hekk saħqet l-Assoċjazzjoni Medika Maltija fi stqarrija li fiha tenniet li taqbel ma’ Inkjesta Pubblika u Indipendenti dwar l-iskandlu tal-benefiċċji soċjali; skandlu li ħalla impatt negattiv fuq l-integrità tal-istituzzjonijiet f’pajjiżna… u naqqas il-fiduċja fost in-nies fuq kemm il-benefiċċji soċjali huma ta’ ġid għal min hu vera fil-bżonn.
Il-MAM fakkret kif tliet ġimgħat qabel l-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew, dawk li kienu involuti f’dan l-iskandlu ngħataw maħfra presidenzjali, bil-patt u l-kundizzjoni li dawn iroddu lura l-flus li ngħataw b’mod frawdolenti u li jixhdu fil-Qorti.
Huwa inkwetanti, kompliet tgħid l-Assoċjazzjoni, kif membri tal-Kabinett tal-Ministri – li skont bosta rapporti huma involuti f’dan l-istess skandlu – kienu wkoll involuti fil-proċess tal-approvazzjoni tal-maħfra presidenzjali. U dan inissel dubju dwar kemm il-proċess kien wieħed ġust.
It-tobba qalu li minn naħa tagħhom il-professjonisti ma rċivew l-ebda apoloġija u wisq inqas ġustizzja talli l-firma tagħhom intużat f’dawn iċ-ċertifikati frawdolenti.
Fl-istqarrija, il-MAM kompliet tinsisti dwar il-ħtieġa tal-kontabbiltà u t-trasparenza biex il-pubbliku jerġa’ jkollu fiduċja fis-sistema tat-tmexxija f’pajjiżna, kif ukoll biex issir ġustizzja.
Kemm il-komunità medika kif ukoll il-poplu jistħoqqlu investigazzjoni ġenwina sabiex jiġi magħruf il-frodi li sar, qalet l-istqarrija. U huwa essenzjali li dawk li vera għandhom bżonn l-għajnuna jirċievu din l-għajnuna mingħajr indħil politiku.
//= $special ?>