Ambjent Għawdex Lokali

Il-Ministru Bartolo kritikat wara li ħalla lil Kemmuna mingħajr pjan ħolistiku

Wara snin ta’ tkaxkir tas-saqajn u ħafna wegħdi mi- naħa tal-Gvern, il-gżira ta’ Kemmuna għadha mingħajr pjan ħolistiku. Dan b’detriment għall-ambjent ta’ Kemmuna u l-impatt dirett fuq l-esperjenza tal-Maltin u t-turisti u jżuru din il-gżira.

Fi stqarrija, l-għaqda Għawdix kixfet kif numru kbir ta’ deckchairs issa qed jitpoġġew f’sit differenti lil hinn mill-bajja tal-Blue Lagoon. B’uħud minn dawn is-sodod jaslu kważi sa mal-baħar.

L-għaqda, filwaqt li innutat ċertu passi li ttieħdu, xorta temmen li hemm bżonn pjan serju għal Kemmuna – speċjalment f’dak li għandu x’jaqsam mal-carrying capacity.

Għawdix semmiet li bħala għaqda kellha laqgħat mal-Ministru tat-Turżimu Calyton Bartolo, iżda l-pjan imwiegħed baqa’ “non-eżistenti”.

Dawn l-attivisti appellaw għal infurzar aktar robust, u miżuri proattivi min-naħa tal-Gvern. L-appell twassal anke lill-istakeholders kollha li għandhom interess fiż-żamma u l-ħarsien ta’ Kemmuna sabiex b’mod immedjat jingħaqdu flimkien ħalli jindirizzaw dawn l-isfidi. Dan bil-għan li nattiraw turiżmu ta’ kwalità u jiġi mħares l-ambjent uniku ta’ din il-gżira.