Lokali

Il-PN jitlob investigazzjoni quddiem “l-inkompetenza” tal-Wasteserv b’rabta mal-inċineratur

Il-Partit Nazzjonalista qed jappella biex issir investigazzjoni quddiem “l-inkompetenza” tal-Wasteserv b’rabta mal-inċineratur fil-Magħtab.

Kien dan li ħareġ waqt konferenza tal-aħbarijiet li saret illum fid-Dar Ċentrali mix-Shadow Ministers Rebekah Borg u Eve Borg Bonello.

Ġimgħa ilu, il-PN kien talab għal investigazzjoni mill-NAO dwar il-kuntratt ta’ 6 mitt miljun wara li l-Gvern Laburista kien wiegħed li pajjiżna jkollu inċineratur li jibda jopera mill-2022 iżda s’issa għadna mingħajru.

U dan b’riżultat li pajjiżna għandu problema ta’ skart ikbar minn qatt qabel hekk kif pajjiżna la qed jesporta l-iskart u wisq inqas għandu inċeneratur jopera. U quddiem dan kollu, Rebekah Borg qalet li ħadd s’issa ma refa’ r-responsabbiltà għal dan in-nuqqas.

“Wasterserv qed tibqa’ tgħid li m’hemm xejn ħażin filwaqt li ħadd għadu ma refa’ r-responsabbiltà anke minkejja li l-Qorti kkonfermat li dan it-tender qatt ma missu ngħata,” qalet Borg.

Il-Partit Nazzjonalista qed jappella għal standards u normalità meta jingħataw it-tenders sabiex ma nerġgħux naraw l-istess storja tal-Vitals. U kien hawnhekk fejn kitbu lil NAO biex jinvestigaw:

  1. Fejn u kif il-proċess ma segwiex il-prinċipji ta’ governanza tajba, trasparenza, u kunfidenzjalità matul
    il-proċess tat-tender.
  2. L-irwol tas-superviżjoni tal-ministeri relevanti, id-Dipartiment tal-Kuntratti, u l-Kabinett. Għax dawn
    jisparixxu kull meta jinqala’ kontroversja imma dejjem jidru ħelwin ħelwin għal xi launch ta’ proġett – gvern ta’ PR biss.
  3. Il-konformità mat-termini ppubblikati tas-sejħa pubblika.
  4. Id-dubji serji madwar l-environmental impact assessment u d-deċiżjonijiet tal-għażla tas-sit.
  5. Kif ukoll, għandna bżonn investigazzjoni serja dwar in-nuqqas ta’ konfidenzjalità li wasslet għall-offerti finanzjarji bejn l-offerenti jiġu żvelati qabel ma l-proċess ta’ għażla kien komplut.
  6. Il-kompożizzjoni u konflitti ta’ interess fi ħdan il-Bord ta’ Reviżjoni fuq il-Kuntratti Pubbliċi u l-Bord tal-Valutazzjoni.
  7. Id-diliġenza tal-Awtorità tal-Ambjent u r-Riżorsi fil-preparazzjoni tal-valutazzjonijiet tal-impatt.

B’Eve Borg Bonello qalet li pajjiżna qed jibqa’ jieħu passi lura minflok ‘il quddiem, b’detriment għall-poplu Malti u Għawdxi.

“Suppost aħna ma waslniex s’hawn għaliex f’pajjiż normali jitwaqqaf kollox,” qalet Borg Bonello. “Iżda aħna mhux pajjiż normali. Dan il-Gvern għadda romblu minn fuqna qisu xejn mhu xejn.”