L-iskandlu tal-Karti tal-Identità huwa skandlu ta’ eluf kbar ta’ dokumenti foloz li mhux biss fetaħ il-bieb biex persuni jgħixu f’Malta u jsiefru f’pajjiżi Ewropej illegalment, iżda saħansitra spiċċajna b’dokumenti identiċi għall-ID cards tal-Maltin.
Fil-fatt, jidher li għadd ta’ kumpaniji qed jibagħtu fid-djar tal-Maltin kontijiet ta’ pagamenti li ma jkunux saru minn dawn il-familji. B’riċerka sempliċi turi li jeżistu dokumenti ta’ identità doppji bħal tal-Maltin, b’dawk foloz jinsabu illegalment irreġistrati fuq ir-residenzi tal-Maltin.
Dan apparti li hemm ukoll mat-300 kumpanija rreġistrata f’pajjiżna li jinsabu involuti f’dan kollu hekk kif uħud minn dawn il-persuni ġew irreġistrati illegalment taħt dawn l-istess kumpaniji; bla ma dawn il-kumpaniji qatt ġew infurmati.
Skont sorsi ta’ Net News jidher li hemm mill-inqas 18,000 dokument falz li nħarġu mill-2015 ‘il quddiem, u dawn possibbilment għadhom qed jinħarġu sal-lum il-ġurnata. Dan hekk kif l-avukat Jason Azzopardi żvela kif diversi persuni qed jirċievu ittri indirizzati lil persuni barranin fuq l-indirizz tagħhom, meta l-ebda persuna barranija qatt ma għexet f’dik ir-residenza. Ittri mibgħuta mill-Aġenzija Identità biex jinġabar id-dokument tal-identità.
Fl-aħħar jiem, fil-Qorti nqalgħet kwistjoni hekk kif żewġ uffiċjali ta’ Identità taw xhieda konfliġġenti tant li ntalbet li ssir investigazzjoni dwar dan. Dan apparti li ssemma’ isem eks-ħaddiema ta’ Identità, Marija Spiteri, l-istess persuna li ffirmat uħud mill-applikazzjonijiet biex jinħarġu d-dokumenti ta’ identità, kif jixhed wieħed mid-dokumenti li għandu f’idejh Net News.
Ix-xahar li għadda, Net News kien żvela recordings ta’ żewġ priġunieri li rrakkontaw kif irnexxielhom jakkwistaw dokument falz mingħand Identità. Issa, dan l-istazzjon jinsab f’pożizzjoni li jiżvela iktar recordings b’isem persuna li allegatament kienet tavviċina dawn il-barranin biex takkwistalhom dawn id-dokumenti illegalment.
“Jien din il-persuna naf x’jisimha,” qal priġunier. “Brandon Attard.”
“Naf li jismu Brandon,” qal priġunier ieħor.
L-avukat Jason Azzopardi kemm-il darba semma’ l-isem Bernard Attard, magħruf ma’ dawn il-barranin bħala Brandon, u li huwa wieħed minn dawk il-persuni li allegatament huma l-moħħ wara dan ir-racket.
Attard huwa l-għarus tal-eks ħaddiema ta’ Identità, Marija Spiteri.
Dawn il-priġunieri, fost persuni oħra, semmew lil Attard mal-Pulizija meta kienu qed jiġu interrogati. Iżda għadha ma ttieħdet l-ebda azzjoni kontra din il-persuna.
Dwar dan l-iskandlu tkellem il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech meta l-Ħadd filgħodu staqsa fejnu l-Ministru responsabbli, Byron Camilleri.
“Intenni u anke pressjoni fuq Byron Camilleri,” qal Bernard Grech. “Byron Camilleri int għandek responsabbiltajiet kbar.”
Huwa staqsa wkoll x’qed jagħmel il-Kummissarju tal-Pulizija Angelo Gafà li mill-ġdid reġa’ fil-muta.
“Issa din il-ġimgħa sirna nafu li Identity Malta ilhom tal-inqas sentejn li kellhom suspett,” kompla jgħid Bernard Grech. “Jekk Identity Malta vera marret għand il-Pulizija, għaliex m’għamel xejn Angelo Gafà?”
F’rikors ġuramentat urġenti ta’ 59 paġna li talab għal inkjesta maġisterjali u li tressaq mill-avukat Jason Azzopardi, jingħad ukoll li nies ta’ ċertu portata kienu jattendu għall-parties li fihom kien ikun hemm id-droga, prostituzzjoni u attivitajiet sesswali sabiex dawk involuti ma jitkellmux dwar dak li kien għaddej b’rabta mar-racket ta’ Identità.
//= $special ?>