Internazzjonali

Ir-Renju Unit: L-irvellijiet iwasslu għal stat ta’ emerġenza — bil-Gvern determinat li jikkontrolla lid-dimostranti

Il-Gvern tar-Renju Unit qed jimplimenta strateġiji ġodda li jiggarantaixxu s-sigurtà tal-poplu wara l-aħħar jiem konsekuttivi ta’ irvellijiet madwar il-pajjiż…Irvellijiet  li fihom, fost oħrajn qed jispikkaw il-gruppi estremisti tal-lemin li qegħdin jiġġieldu kontinwament mal-pulizija fit-toroq u ċ-ċentri tal-ibliet.

Il-kriżi domestika tant kibret li l-Prim Ministru Britanniku, Keir Starmer, sejjaħ laqgħa tal-Cobra li hu l-kumitat ewlieni tal-Gvern bir-responsabbiltà li jfassal is-soluzzjonijet għall-emerġenzi fuq livell nazzjonali. Dan waqt li l-Ministru għall-Intern (Home Secretary) Yvette Cooper għamlitha ċara mill-ġdid li kulmin kellu kontribut fil-vjolenza tal-aħħar jiem irid jagħmel il-kontijiet mas-soċjetà skont il-liġi.

Indarbu numru sinifikanti ta’ nies u pulizija waqt il-battalji fit-toroq li ilhom għaddejjin għal kważi ġimgħa fid-diversi bliet tal-Ingilterra – kif ukoll fl-Irlanda ta’ Fuq.

L-inċident li xpruna din il-mewġa ta’ vjolenza kien seħħ ġimgħa ilu fil-belt ta’ Southport, f’Merseyside, fejn ġuvni imwieled ir-Rwanda attakka grupp ta’ bniet waqt klassi taż-żfin u qatel tlieta minnhom b’daqqiet ta’sikkina. Numru ta’ bniet oħra spiċċaw midruba gravi fl-attakk, bl-aggressur jispiċċa arrestat mill-pulizija. Dan waqt li għadu ma ssemmiex l-iskop wara dan l-aggrediment li xokkja lill-pajjiż kollu.

Sadanittant, Yvette Cooper qalet li ma jista’ ikun hemm l-ebda skuża għall-vjolenza li rajna s’issa madwar l-Ingilterra….Vjolenza rari li anki tidher li hi koordinata minn diversi ‘kapijiet’ estremisti tal-lemin b’aġenda speċifika kontra l-immigranti fil-pajjiż.

Fl-istess ħin, il-kriżi domestika wasslet biex numru ta’ deputati Parlamentari – fosthom l-eks-Minisru għall-Intern Priti Patel u Diane Abbott tal-Partit Laburista fil-Gvern – isejħu biex il-Parlament jiltaqa’ qabel iż-żmien minħabba ċ-ċirkustanzi straordinarji fil-pajjiż.

Madankollu, il-Ministru Abbott eskludiet li l-Parlament għandu jirritorna mill-btajjel qabel iż-żmien – u b’dan l-atteġġjament iqanqal kritika qawwija fost id-deputati minn kull naħa tal-Parlament li qablu li l-Gvern ma jistax jistenna l-ġimgħat sakemm is-sitwazzjoni tirritorna taħt kontroll.

F’dawn iċ-ċirkustanzi, numru akbar ta’ Musulmani li qed jgħixu fir-Renju Unit  qegħdin jibżgħu joħorġu minħabba l-potenzjal li jispiċċaw attakkati mill-membri estremisti ta’ gruppi bħall-English Defence League u gruppi oħrajn b’aġenda anti-Musulmana.

Fil-preżent, il-Pulizija Britannika qed tistinka biex tidentifika lid-delinkwenti u elementi kriminali li ħadu sehem fl-aħħar jiem ta’ protesti vjolenti – bl-uffiċjali tal-liġi joħorġu twissija ċara li ‘ma teżisti l-ebda moħba għal dawn in-nies’.

Sadanittant, il-Prim Ministru Starmer ħalef biex jistazzjona dejjem aktar uffiċjali tal-pulizija biex jikkontrollaw il-kriżi. Starmer insista li l-Gvern u l-awtoritajiet, fil-preżent, mhumiex qed jiffaċċaw xi protesti li qabżet il-limiti tal-kontroll iżda gruppi ta’ individwi organizzati li huma determinati akkost ta’ kollox li joħolqu l-vjolenza u l-kaos madwar ir-Renju Unit.