Bonjour. Pariġi2024 hija esperjenza Olimpika oħra. Bdejt nirrealizza li issa veru dħalt f’dik il-lista ta’ ġurnalisti tal-isport akkreditati esperti fl-Olimpijadi. Kont se nikteb ‘ li segwew l-Olimpijadi’ flok ‘akkreditati għall-Olimpijadi’. Immedjatament indunajt li jekk int ġurnalist, l-Olimpijadi trid tgħixhom aktar milli ssegwihom. Għalhekk kull erba’ snin dan l-appuntament jiġġedded u xi minn daqqiet kull sentejn bl-Olimpjadi tax-Xitwa.
Wara kollox dawk il-ħames ċrieki għandhom xi ħaġa maġika fihom. Aktar ma torbot l-interess tiegħek magħhom, aktar tirrealizza kif kull kompetizzjoni oħra tkun liema tkun, ikun xi jkun l-isport, hija fattur sekondarju.
L-Olimpjadi jibqgħu l-Olimpijadi u jekk kapaċi tgħixhom, is-seħer tagħhom jagħmik. Madankollu, ma jfissirx li fil-kuntest tat-XXXIII edizzjoni: PARIĠI2024 ma kienx hemm fatturi li tappnu l-klima ta’ għaqda li teżisti. Hija ħasra li l-aktar fattur importanti, dak li sa mill-Olimpjadi tal-Qedem kien iwassal għal waqfien mill-ġlied u gwerer, f’din l-edizzjoni ma seħħx. Hawnhekk la rebaħ l-isport u l-anqas is-sens komun.
Fil-qafas ta’ dan, jispikka r-ritratt tal-plejers tat-table tennis mill-Korea ta’ Fuq flimkien ma’ dawk mill-Korea t’Isfel. Ritratt li jirbaħ fuq kull midalja mirbuħa. Ritratt li għandu u jista’ jservi ta’ lezzjoni lil politici, huma min huma.
204 pajjiż mill-206 fi ħdan il-Kumitat Olimpiku Internazzjonali. Nieqsa Russja u Belarus minħabba s-sanzjonijiet b’rabta mal-gwerra kontra l-Ukrajna. Madankollu, atleti miż-żewġ pajjiżi qed jikkompetu bħala atleti newtrali. Bla emblema, bandiera jew innu nazzjonali f’każ ta’ rebħ jew premjazzjoni. Ma dan, iżda, għat-tielet darba fl-azzjoni atleti li jgħamlu parti mit-Tim Olimpiku tar-Refuġjati.
F’dan is-sens l-isport u l-ħames ċrieki jservu ta’ tama.
//= $special ?>