Knisja Lokali

Planċier tal-Banda uniku u aċċessibbli għall-persuni b’diżabbiltà

L-Għaqda Mużikali Immakulata Kunċizzjoni tal-Ħamrun hija banda differenti mill-oħrajn.  Fiċ-ċentru tal-attivitajiet li torganizza dejjem tħares li jkun hemm persuni vulnerabbli ink,luż persuni b’diżabbiltà u persuni barranin li joqogħdu fil-Ħamrun.

Fil-fatt għall-festa ta’ din is-sena ġie inawgurat platform lift mal-planċier tal-Banda. Dan il-platform lift għamilha possibbli li persuna b’diżabbiltà fiżika u ieħor b’nuqqas ta’ viżta setgħu jitilgħu fuq il-planċier biex idoqqu u juru talenti tagħhom mal-bandisti l-oħra.

Josef Spiteri qal li: “l-Banda dejjem toħlom sabiex tkun dejjem iktar innovattiva”. Fil-fatt matul dawn l-aħħar tliet snin bi preparament għall-anniversarju li qed tiċċelebra l-banda, saru diversi attivitajiet, fosthom wirjiet għall-persuni b’diżabbiltà.

L-Għaqda Mużikali se tkompli biċ-ċelebrazzjonijiet tagħha billi fil-Jum tat-Twaqqif tagħha, fid-29 ta’ Awwissu, se torganizza quddiesa fis-6.30pm mill-Kappillan Fr Franco quddiem is-sede tal-Każin fi Pjazza Kappillan Muscat. Wara ser jiġi varat ktejjeb għat-tfal tal-iskejjel dwar il-mużika, il-Ħamrun, il-banda u l-parroċċa.

Fit-30 ta’ Awwissu, se torganizza attività Diverse Fest li fiha ser tilqa’ diversi nazzjonalitajiet b’kulturi differenti. L-attività ser tkun fil-Pjazza Kappillan Muscat mis-7pm ‘l quddiem. Dħul huwa b’xejn.