It-Tnejn filgħodu ngħatat l-aħħar tislima lill-Eks Ministru tal-Ġustizzja, Joe Brincat fil-Knisja ta’ San Publiju, il-Furjana – persuna li għal snin tawl kien attiv ferm fil-Partit Laburista u fil-Parlament Malti.
Fl-omelija tal-funeral, il-Kardinal Mario Grech qal li Joe Brincat dejjem wera l-lealtà għall-ġid tas-soċjetà billi kien dejjem hemm għal dawk fil-bżonn. Xi ħaġa li wriet it-tjubija li kellu tul ħajtu kollha. U kien hawnhekk fejn sar appell biex kull persuna timxi l-istess triq ta’ Joe Brincat.
Joe Brincat kien ġie elett fil-Parlament għall-ewwel darba fl-1971, u baqa’ jikseb il-fiduċja tal-kostitwenti għall-ħames elezzjonijiet konsekuttivi. Imbagħad, kien reġa’ ġie elett fl-2003.
Magħruf sew għall-prinċipji soċjalisti tiegħu, Joe Brincat qatta’ kważi ħajtu kollha jaħdem fil-Qorti – sa dawn l-aħħar ġimgħat. Kien anke jagħti kontribut fil-midja tal-Partit Laburista, permezz ta’ programmi fuq ir-radju.
Fiż-żogħżija tiegħu, Brincat kien studja l-Latin, il-Filosofija u l-Ingliż. Filwaqt li għamel perjodu jaħdem bħala għalliem, qabel daħal għall-kors tal-liġi.
Joe Brincat serva wkoll bħala Deputy Leader tal-Partit Laburista. Fil-fatt, meta kien elett l-ewwel darba, hu kien l-ewwel persuna li qatt okkupa l-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit.
Fl-1998, Brincat kien elett f’din il-kariga wara r-riżenja ta’ George Abela – snin li raw lil Joe Brincat jaħdem spalla ma’ spalla ma’ Alfred Sant.
Riċentament, l-avukat Joe Brincat baqa’ attiv ferm anke bil-kitbiet tiegħu. L-aktar meta kritika l-mossa tal-Gvern li ried idaħħal l-abort. L-Eks Deputat Mexxej Laburista kien ferm voċiferu dwar it-tmexxija preżenti, tant li s-sajf li għadda insista b’saħħa li Robert Abela kellu jieħu vot ta’ fiduċja fil-konfront tiegħu.
Joe Brincat kellu 80 sena u kien missier ta’ żewġt itfal.
Preżenti għall-funeral kien hemm fost l-oħrajn qraba u ħbieb, il-President ta’ Malta Myriam Spiteri Debono, il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u martu Annemarie, il-Prim Ministru Robert Abela u l-Ispeaker tal-Parlament Anġlu Farrugia, u għadd ta’ membri parlamentari u eks kollegi.




