Ħaddiem fil-kostruzzjoni ġie illiberat minn akkużi ta’ serq ta’ jiggers minn sit ta’ kostruzzjoni, fil-Belt Valletta, minħabba nuqqas ta’ provi. Patrick Cassar ta’ 44 sena mill-Qawra, kien akkużat b’serq aggravat wara li f’Ottubru tal-2020 għebu żewġ jiggers li jiswew qrib €3,000 mis-sit fi Triq San Pawl.
Filmati tas-CCTV mis-sit urew raġel dieħel fil-kamra fejn kienu maħżuna l-għodda. Huwa telaq ftit wara, iġorr żewġ ‘basktijiet.’ Filmati mill-cameras tas-sigurtà oħra aktar ‘l isfel minn Triq San Pawl, urew lis-suspettat miexi, ‘bil-bagalji’ f’idu.
L-investigaturi identifikaw lis-suspettat bħala Cassar li dak iż-żmien kellu jkun id-dar f’termini ta’ curfew tal-Qorti impost qabel li kien japplika mhux aktar mit-8pm. Saret tfittxija fid-dar tiegħu iżda l-oġġetti neqsin ma nstabux. L-uffiċjali lanqas ma sabu ħwejjeġ simili għal dawk li liebes is-suspettat ħalliel fil-filmati, ingħad fil-Qorti.
Cassar ġie mixli b’serq aggravat, li kiser il-kundizzjonijiet tal-libertà proviżorja, li wettaq l-allegat reat waqt li kien taħt probation, li kiser it-termini tal-libertà kundizzjonata kif ukoll li sar reċidiv. Huwa wieġeb mhux ħati.
Il-qofol tal-każ kien jikkonċerna l-identifikazzjoni tas-suspettat li deher dieħel fil-post fuq filmati tas-CCTV.
Kuntistabbli tal-Pulizija assenjat għassa extra-duty fis-sit tal-kostruzzjoni, qal li għaraf lil Cassar bħala wieħed mill-ħaddiema fis-sit tal-Belt Valletta u kien identifikah fil-filmati permezz ta’ kif jimxi u t-tatoos tiegħu.
Il-kuntrattur tal-bini responsabbli mix-xogħlijiet tal-Belt Valletta, xehed li Cassar kien irrapporta l-aħħar għax-xogħol nhar il-Ġimgħa ta’ qabel l-allegat serq. Dakinhar kellu bżonn iċempel lil Sedqa u kellu wkoll iħallas xi multi tal-kunsill lokali. Minn dakinhar, Cassar ma kienx irrapporta għax-xogħol.
Il-Maġistrat Elaine Rizzo osservat li xhud, anke jekk uffiċjal tal-pulizija, irid jixhed dwar iċ-ċirkostanzi li jwasslu għall-identifikazzjoni tas-suspettat. Kien hemm xi karatteristiċi li jwasslu għall-akkużat? Ix-xhud qabbel lis-suspettat ma’ ħaddiema oħra fil-post? Identifika lis-suspettat indipendentement mis-sit li miegħu kien assoċjat?
Il-Qorti osservat ukoll li tali xhieda kellha tkun sostnuta minn provi oħra, partikolarment provi forensiċi. Meta tqies kollox il-Qorti qalet li x-xhieda tal-Pulizija waħedha ma ssodisfatx il-grad ta’ prova mistenni mill-prosekuzzjoni.
Ġew ippreżentati wkoll bħala evidenza filmati tas-CCTV u ritratti mis-sistema tas-CVA (aċċess kontrollat għall-vetturi) fil-Belt Valletta. Il-Qorti osservat li għalkemm l-istatura u l-mixja tas-suspettat kienu jixbħu lil dawk tal-akkużat, it-tatoos ma kinux jidhru. Lanqas ma kien jidher ċar il-wiċċ tas-suspettat.
Rigward is-CVA stills, huma ppruvaw li karozza reġistrata f’isem is-sieħba ta’ Cassar kienet daħlet fil-belt fis-7.32pm u ħarġet fit-8.39pm ta’ dik il-lejla ta’ Ottubru. Iżda dawk l-immaġini ma ppruvawx li Cassar kien qed isuq il-karozza tas-sieħba tiegħu.
Meta kien ikkunsidrat kollox, ma kien hemm xejn konkret lil hinn mill-isfera tal-probabbiltà li jorbot lill-akkużat mas-serq. U peress li l-akkużi l-oħra kienu jiddependu minn sejba ta’ ħtija fuq l-ewwel akkuża, il-qorti ħelset lill-akkużat minn kull responsabbiltà kriminali.
L-Avukati Mario Mifsud u Nicholas Mifsud dehru għal Cassar.
//= $special ?>