“Minkejja li l-infiq tal-Kurja kien ogħla meta kkumparat mas-sena ta’ qabel, id-dħul żdied b’mod sostanzjali.”
Dan intqal minn Michael Pace Ross, is-Segretarju Amministrattiv tal-Arċidjoċesi ta’ Malta, waqt konferenza tal-aħbarijiet li ġiet organizzata t-Tlieta filgħodu, fil-Kurja tal-Arċisqof fil-Furjana.
Meta kien qed jagħti rendikont tas-sena 2023, Pace Ross semma’ kif l-Arċidjoċesi rreġistrat defiċit ta’ €325,000 – li huwa drastikament inqas mid-defiċit ta’ €7 miljun fl-2022.
Fl-analizi tagħhom, huma sostnew kif fl-attivitajiet ta’ ġbir ta’ fondi, id-dħul baqa’ pjuttost simili għas-sena ta’ qabel – bi dħul ta’ iżjed minn €2 miljun.
Fl-istess waqt id-donazzjonijiet naqsu b’€600,000 iżda xorta baqgħu f’livell għoli hekk kif daħħlu €5.8 miljun f’donazzjonijiet. Matul l-2023, il-Knisja rreġistrat dħul ta’ €6 miljun aktar mis-sena ta’ qabel, bi dħul totali ta’ kważi €60 miljun.
B’risposta għad-domanda ta’ Net News, Pace Ross semma kif l-ikbar spiża tal-Arċidjoċesi tibqa’ s-salarji tal-impjegati, li matul is-sena laħqu kważi €37 miljun. Hu semma wkoll li l-ispejjeż tal-operat tal-Arċidjoċesi wkoll huma għoljin, hekk kif fis-sena li għaddiet qabżu l-€11 miljun.
Waqt din il-konferenza, ssemmew ukoll id-diversi inizjattivi li twettqu mill-Knisja fl-2023; fosthom il-Kċina ta’ Marta li pprovdiet mal-1,200 ikla fil-ġimgħa matul is-sena.
U bl-inizjattiva LOOP, huma pprovdew ukoll ikel lil 870 persuna, kif ukoll taw ħwejjeġ lil 380 persuna oħra.
Permezz tal-Caritas, huma għenu iżjed minn 1,600 persuna fil-bżonn b’servizzi ta’ rijabilitazzjoni, counselling u social work.
Apparti minn hekk, l-Arċidjoċesi għenet ukoll lill-vittmi tat-terremoti fit-Turkija u s-Sirja, ospitat għadd ta’ saċerdoti barranin f’Casa Fratelli Tutti, kif ukoll iffaċilitat il-parteċipazzjoni ta’ 565 żagħżugħ għall-Jum Dinji taż-Żgħażagħ f’Lisbona.
//= $special ?>