Internazzjonali

Il-Lvant Nofsani: L-Istati Uniti tħejji għall-konsegwenzi ta’ attakk mill-Iran fuq Iżrael

Il-President tal-Istati Uniti Joe Biden u l-konsulenti tiegħu dwar is-sigurtà nazzjonali indirizzaw il-potenzjal kbir ta’ attakk mill-Iran fuq Iżrael u li x’aktarx jista’ iseħħ f’qasir żmien.

Biden, intant, kien aġġoranat dwar il-pjan tal-Istati Uniti biex tappoġġja lill-Iżraeljani f’każ li huma jisfaw mira għall-qawwiet tal-Istat Iżlamiku fundamentalista.

Dan waqt li s-Segretarju tal-Istat Amerikan, Antony Blinken, qal li d-diplomazija ma waqfitx u li qed isiru l-isforzi kontinwi biex jimminimizzaw il-kriżi ġdida li qed tiżviluppa fil-Lvant Nofsani.

It-tensjoni fir-reġjun irrankat għal livell allarmanti wara l-assassinar, f’Tehran, ta’ Ismail Haniyeh, il-Kap tal-grupp terroristiku Palestinjan  Ħamas. Haniyeh kien spiċċa vittma ta’ missila mirata għall-kamra fejn hu kien residenti – bl-Iran iwiegħed ‘ritaljazzjoni ħarxa’ fil-konfront ta’ Iżrael avolja l-Iżraeljani ma assumewx ir-responsabbiltà għall-azzjoni.

Is-sitwazzjoni perikoluża wasslet anki għal eżodu kontinwu ta’ ċittadini mil-Libanu, Dan fost id-direttivi speċifiċi mill-Istati Uniti, ir-Renju Unit u pajjiżi oħra tal-Punent li qed jibżgħu mill-konsegwenzi ta’ wara l-attakk – u meta l-grupp Ħeżbollah tal-milizji Lebaniżi Xiti (alleat mal-Iran) kapaċi jkollu rwol ewlieni fi kwalunkwe offensiva kontra l-Iżraeljani.

Filwaqt li mhumiex magħrufa ‘il-ħin u n-natura partikulari’ ta’ attakk potenzjali fuq Iżrael, ir-rapporti qalu li Antony Blinken kien qed jistenna azzjoni ostili f’perjodu bejn 24 u 48 siegħa.

L-Istati Uniti qed tanalizza wkoll it-theddida tal-gruppi u movimenti tal-militanti oħrajn  alleati mal-Iran u li wkoll kapaċi jkollhom sehem f’azzjonmi kontra Iżrael. Dan meta l-Amerikani huma wkoll lesti biex iwieġbu għall-attakki fuq il-qawwiet tagħhom fil-Lvant Nofsani.