Internazzjonali

Ir-Renju Unit: Vjolenza kontinwa segwita mill-arresti inevitabbli — u bil-Gvern jipprova jnaqqas mill-arja ta’ intimidazzjoni

Il-poplu fir-Renju Unit qed iħejji għal aktar inċidenti vjolenti fid-diversi bliet tal-pajjiż u meta l-Gvern u l-awtoritajiet tal-Pulizija qegħdin jimplimentaw b’urġenza l-istrateġiji għaz-zamma tal-bwon ordni u biex ma tirrenjax aktar l-arja ta’ biża u intimidazzjoni….Sitwazzjoni fejn, fost oħrajn, diversi komunitajiet ta’ immigranti qed jispiċċaw il-mira tal-gruppi tad-delinkwenti estremisti tal-lemin.

Il-qtil f’Southport, ġimgħa ilu, ta’ tlett ibniet li sfaw aggrediti minn żgħażugħ armat b’sikkina waqt li huma kienu qed jieħdu sehem f’attività taż-żfin kien l-ixprun għal din il-vjolenza li qeda tattira dejjem aktar gruppi ta’ radikali bojod minħabba li l-aggressur kien ġuvni ta’ karnaġġjon iswed, imwieled ir-Rwanda.

Sadanittant, il-kelliema għall-Pulizija Metropolitana qalu li saru madwar 500 arrest mindu l-folol ta’ dimostranti vjolenti bdew joħorġu fit-toroq biex jiġġieldu mal-pulizija…Dan fost l-atti ta’ sfreġju u vandaliżmu li fihom ingħataw in-nar lil diversi vetturi u stabbilimenti.

Jidher ukoll li l-ammont tal-arresti b’konnessjoni mal-protesti vjolenti se jkomplu jiżdied minn ġurnata għall-oħra – bil-Pulizija, issa, qed jingħataw il-poteri ‘straordinarji’biex jaċċertaw mill-kalma u l-bwon ordni f’numru ta’ bliet prinċipali – inkużi Belfast, fl-Irlanda ta’ Fuq.

Fl-istess ħin, il-Ministru Britanniku għall-Ġustizzja, Heidi Alexander, qed tiċħad l-akkużi minn diversi sorsi li l-vjolenza tal-aħħar jiem fl-ibliet tar-Renju Unit qabżet il-limiti, sal-punt fejn anki tista’ titqies bħala forma interna ta’ terroriżmu.

Alexander, iżda, għamlitha ċara li r-reati mwettqa matul il-protesti bla dubju se jirriżultaw f’pieni ta’ ħabs sinifikanti għall-persuni responsabbli.