Il-Gvern l-ewwel qal li l-impjant temporanju li jaħdem bid-diesel kellu jkun lest f’Lulju. Imbgħad wegħdu li sa nofs Awwissu, l-impjant jibda jitħaddem. Iżda issa ħarġet it-tielet verżjoni – bl-Enemalta tgħid li se jkollna nistennew sal-aħħar ta’ Awwissu, illi jfisser li jkun għadda kważi sajf sħiħ.
Kien iċ-Chairman Eżekuttiv tal-Enemalta Ryan Fava illi ħabbar li fl-aħħar ta’ Awwissu se jibda jaħdem dan l-impjant tal-enerġija ta’ emerġenza – impjant li se jopera bi fuel li jniġġes. Dan l-impjant se jipproduċi 60 megawatt ta’ enerġija u sewa lill-pajjiż madwar €37 miljun.
Fava stqarr ma’ The Malta Independent li din il-power station temporanja se tintuża f’każ li wieħed mis-sorsi tal-impjanti tal-enerġija ta’ pajjiżna jispiċċa jintefa’.
Hu kompla jgħid li din il-power station temporanja se tibqa’ f’Dellimara sal-bidu tal-2027 – meta suppost jitlesta t-tieni interconnector. Dan ifisser li rridu nistennew tliet snin oħra sakemm l-interconnector ikun lest.
Dan is-sajf kien it-tieni wieħed li matulu esperjenzajna ġimgħat twal ta’ qtugħ fil-provvista tal-elettirku. Bil-Prim Ministru, fl-aħħar jiem, jiddikjara li hu ma nqatalux id-dawl.
Il-Gvern uża wkoll diversi generators li tpoġġew fit-toroq biex ikunu sors ta’ enerġija għal diversi djar li spiċċaw fi sħana u dlam ċappa fl-eqqel tas-sajf.
//= $special ?>