L-Eżekuttiv Laburista illejla għandu quddiemu emenda sabiex jinbidel mill-ġdid l-istatut tal-Partit Laburista ħalli l-kariga ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista tinfetaħ għall-Membri Parlamentari u Membri Parlamentari Ewropej ukoll.
Dan kien konfermat ftit tal-ħin ilu mill-MEP Alex Agius Saliba.
Fl-istess waqt, Jason Micallef kiteb fuq il-media soċjali illi wara laqgħat li kellu illum ma jħossx li għandu għalfejn ikompli għaddej bil-kontestazzjoni għall-ħatra ta’ Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit Laburista.
Micallef qal li iltaqa’ mal-ewro parlamentari Laburista Alex Agius Saliba, hekk kif kollox jindika li issa se jkun hu li jikkontesta għal din il-kariga – persuna oħra li ġejja mill-klikka ta’ Joseph Muscat.
L-istess sorsi miċ-Ċentru Nazzjonali Laburista li żvelaw l-Aġenda tal-Eżekuttiv qalulna li Agius Saliba qed jiġi impost fuq Robert Abela. Dan għaliex il-manuvra li saret kienet l-uniku mod biex jevita lil Jason Micallef.
Apparti minn hekk, Robert Abela qed jipprova jevita elezzjoni interna għax qed jinkwieta li mhux b’saħħtu biżejjed mad-delegati.
//= $special ?>