Lokali Saħħa

Kampanja b’saħħitha li qed tħeġġeġ lill-poplu Malti jsir donatur tal-organi

It-3 ta’ Awwissu hu magħruf bħala Jum Dinji għat-Trapjant tal-Qalb. F’dan il-jum diversi persuni ngħaqdu flimkien sabiex iqajmu kuxjenza dwar id-donazzjoni tal-organi, hekk kif minkejja l-vantaġġi ta’ din it-tip ta’ donazzjoni, f’Malta għandna nuqqas kbir ta’ donaturi tal-organi.

Din il-kampanja ġiet organizzata mill-attriċi Lara Azzopardi permezz ta’ filmat fuq il-medja soċjali, fejn użat il-pjattaforma tagħha sabiex tqajjem kuxjenza dwar il-bżonn għad-donaturi tal-organi f’Malta.

F’din il-kampanja pparteċipaw il-Kap tal-Partit Nazzjonalista Bernard Grech u x-Shadow Minister tas-Saħħa Adrian Delia. Bernard Grech sostna li din hi waħda mill-isbaħ għotjiet li tista’ tagħmel. Hu semma kif ta’ 28 sena, hu flimkien mas-sinjura Grech kienu rreġistraw sabiex isiru donaturi tal-organi sabiex huma jkunu jistgħu jsalvaw ħajja meta huma jiġu neqsin. Minn naħa tiegħu, Adrian Delia sostna li hu importanti li nqajmu kuxjenza fuq din it-tip ta’ donazzjoni, filwaqt li ħeġġeġ lil kulħadd jirreġistra sabiex isir donatur.

Meta wieħed jirreġistra biex isir donatur, hu jkun qiegħed jagħti l-kunsens tiegħu biex meta jmut, l-organi tiegħu jintużaw sabiex tissalva ħajja oħra. Tant, li persuna waħda tista’ ssalva l-ħajja ta’ tmien ħajjiet.

Kull min għandu ‘l fuq minn 16-il sena jista’ jirreġistra biex isir donatur tal-organi fuq organdonation.gov.mt.