Il-Qorti tal-Appell Kriminali kkonfermat sentenza ta’ 16-il xahar ħabs u multa ta’ elf ewro fil-konfront ta’ raġel ta’ 51 sena minn Ħal Qormi talli fit-28 ta’ Novembru 2017, għall-ħabta ta’ bejn is-6pm u ftit wara s-7.15pm fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, kellu fil-pusess tiegħu d-droga eroina f’ammont ta’ 10.36 gramma.
Patrick Mangion li għandu kondotta kkulurita u huwa magħruf sew mal-Pulizija, appella mis-sentenza, liema appell kien miċħud mill-Imħallef Edwina Grima. Fl-appell tiegħu huwa saħaq li li hemm dubju raġonevoli dwar jekk id-droga misjuba fiċ-ċella tiegħu fil-Ħabs kinitx tappartjeni lilu jew lill-priġunier ieħor, ċertu Sandro Mifsud, li kien jinsab fiċ-ċella fil-ħin tas-sejba tad-droga.
Saħaq ukoll li l-Prosekuzzjoni qatt ma talbet sabiex isir analizi ta’ DNA, la fuq il-foil u lanqas fuq
il-borża li kien fiha d-droga. Mill-provi rriżulta li mill-atti proċesswali rriżulta li nhar it-28 ta’ Novembru
2017, il-Pulizija kienet infurmata mill-Control Room tal-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, li matul spezzjoni sorpriża magħmula mill-gwardjani fil-ħabs, instabet sustanza ta’ kulur kannella f’borża tal-plastik żgħira f’ċella ta’ priġunier.
Il-Pulizija marret fuq il-post fejn tkellmet mal-gwardjani Noel Buttigieg u Matthew Cilia li spjegaw li waqt din l-ispezzjoni li saret bil-klieb f’Division 13, ċella numru 34 – li kienet ċ-ċella ta’ Patrick Mangion – fuq xkaffa li hemm taħt it-tieqa, ġie nnutat foil maħruq.
Minn tfittxija li saret instabet ukoll borża żgħira bi trab kannella ġewwa fiha, taħt is-sodda fl-istess ċella. Minn eżami xjentifiku li sar fuq l-istess sustanza mill-Espert tal-Qorti l-Professur Manwel Sinagra, irriżulta li t-trab ta’ lewn kannella kienet propju l-mediċina perikoluża eroina fl-ammont totali ta’ 10.36 grammi u b’purità ta’ ċirka ta’ 5%.
Mix-xhieda tal-gwardjani rriżulta li fil-ħin tal-ispezzjoni, fiċ-ċella nstab Patrick Mangion, li f’dak il-ħin jidher li kien rieqed fuq is-sodda, kif ukoll priġunier ieħor, ċertu Sandro Mifsud imlaqqam ‘id-dudu’, li dan tal-aħħar qatt ma nġieb fil-qorti biex jixhed.
Meta Noel Buttigieg xehed quddiem l-Ewwel Qorti kkonferma li kienet saret spezzjoni fit-28 ta’ Novembru 2017 f’divizjoni 13, ċella 34 li fiha kien hemm residenti l-appellant bħala ‘inmate’. Xehed li “fuq xkaffa fuq in-naħa ta’ ġewwa n-naħa tat-tieqa sibna xi foil maħruq suspettat li ntuża f’xi teħid tad-droga.
Aktar tard fit-tfittxija nstabet borża żgħira b’sustanza kannella suspettuża. Qal ukoll li fiċ-ċella kien hemm ukoll priġunier ieħor, ċertu Sandro Mifsud”. Huwa jkompli jispeċifika iżda li ċ-ċella inkwistjoni kienet tal-appellant u li Sandro Mifsud kien sempliċiment mar iżuru dakinhar.
Dan il-punt aħħari ġie kkonfermat ukoll mill-gwardjan Helenio Grech li kkonferma li fid-data tal-allegat reat, iċ-ċella inkwistjoni kienet tappartjeni lill-appellant u lil ħadd aktar. Huwa kompla jispjega li qabel ma jidħol priġunier ġdid f’xi ċella, din tiġi ċċekkjata kollha u mbattla minn dak kollu li jkun jinsab fiha.
Il-Qorti tal-Appell qalet li minn dak li semgħet mhux ikkontestat li ċ-ċella fejn kienet misjuba d-droga kienet tappartjeni biss lill-appellant u li qabel ma huwa ddaħħal jirriijedi fiha, din ġiet imnaddfa u mbattla minn kwalunkwe ħaġa li seta’ kien hemm fiha preċedentement.
Il-foil maħruq instab fuq in-naħa ta’ ġewwa taċ-ċella, f’ħoġor it-tieqa, bl-aktar prova skjaċċanti, tkun il-borza tad-droga li nstabet proprju taħt is-sodda ta’ Patrick Mangion, li fil-ħin tal-ispezzjoni kien saħansitra rieqed fuqha.
Dawn il-provi kollha jippuntaw f’direzzjoni waħda – u ċioè li d-droga misjuba kienet taħt il-pussess u kontroll assolut tal-appellant u ta’ ħadd aktar. U l-fatt li ma sarux analiżi għal traċċi ta’ DNA u/jew marki tas-swaba fuq il-foil u l-borża elevati, ma jfissirx li l-ħtija xorta waħda ma tirriżultax.
Għaldaqstant, l-Imħallef Edwina Grima qalet li hi l-fehma li l-Ewwel Qorti setgħet raġonevolment u legalment tasal għad-deċizjoni tagħha ta’ ħtija fil-konfront tal-appellant. Il-Qorti tal-Appell qalet li mingħajr tlaqliq, tqis li l-piena imposta kienet waħda mhux biss fil-parametri tal-liġi, iżda wkoll tirrispekkja n-natura gravi tar-reat kommess.
Qalet li hu nstab fil-pussess ta’ eroina f’ammont xejn negliġibbli ta’ 10.36 grammi fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, tant li l-piena neċessarjment trid tkun waħda iktar gravuża bl-applikazzjoni tal-artikolu 33A tal-Kodiċi Kriminali, li l-Ewwel Qorti għaddiet biex tapplika meta ġiet għal kalibrazzjoni tal-piena.
Huwa evidenti mill-kondotta tiegħu li l-appellant xellef dufrejh diversi drabi mal-ġustizzja però ma jidhirx li huwa tgħallem mill-iżbalji tiegħu. Għalhekk, ma teżisti l-ebda raġuni valida l-għala l-piena mogħtija mill-Ewwel Qorti għandha tkun mibdula b’xi mod.
Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti ċaħdet l-appell u kkonfermat appellata fl-intier tagħha.
//= $special ?>