L-Avukat Ishmael Psaila jitkellem ma’ Times of Malta
L-elezzjonijiet tat-13 u l-14 ta’ Settembru fiċ-Ċentru Nazzjonali Laburista jidher li qed jinbidlu fi proċess biex jinfetaħ il-bieb beraħ għall-klikka ta’ Joseph Muscat; biex din taħtaf it-tapit minn taħt saqajn Robert Abela.
Dan hekk kif kollox qiegħed jindika li kif jiftħu n-nomini għall-karigi fit-tmexxija Laburista fit-23 u 24 ta’ Awwissu, Joseph Muscat u sħabu jinsabu lesti biex jerġgħu jinfiltraw mill-ġdid f’kull rokna għolja fi ħdan il-Kwartieri.
Wara li Jason Micallef, Eks Segretarju Ġenerali u persuna voċifera favur l-istess Eks Prim Ministru, ħabbar li se jkun qiegħed jikkontesta għall-kariga ta’ Deputat Mexxej Laburista għall-Affarijiet tal-Partit – issa wieħed mill-Avukati ta’ Joseph Muscat u persuna qrib ħafna ta’ Jason Micallef, Ishmael Psaila, mhux qed jeskludi li se jikkontesta għal xi kariga jew oħra.

F’intervista mat-Times, Psaila ma eskludiex li jista’ jikkontesta għal President tal-Labour, kif ukoll għal Segretarju Eżekuttiv jew saħansitra Deputat Mexxej għall-Affarijiet tal-Partit. Għalkemm din tal-aħħar hija kważi improbabbli, minħabba li ħareġ għaliha Jason Micallef.
Fl-aħħar jiem it-tensjoni bejn klikka u oħra – dik ta’ Abela u Muscat – bdiet tikber aktar minn qatt qabel. Bil-qasma fil-Labour ħarġet aktar b’mod ċar wara l-istqarrija li lissen Robert Abela fil-konfront ta’ Jason Micallef u Joseph Muscat; ċioè li l-arloġġ qatt ma jdur lura imma dejjem ‘il quddiem.
Sussegwentament, sorsi qrib ħafna taċ-Ċentru Nazzjonali Laburista kkonfermaw ma’ Net News li l-Membri tal-Kabinett ġew ordnati biex joħorġu għonqhom u jiktbu fuq il-midja soċjali dikjarazzjoni favur il-Prim Ministru – li huma jaqblu miegħu.
Minkejja dan, kien hemm min ġie jaqa’ u jqum minn din l-ordni u baqa’ fommu sieket. Fost l-oħrajn il-Ministri Miriam Dalli, Julia Farrugia Portelli, Clyde Caruana, Stefan Zrinzo Azzopardi, Ian Borg u Michael Falzon.
//= $special ?>